8, 9 u 10 t’Awwissu 2010

Il-Marċ tal-Antiviġilja
Il-Marċ tal-Antiviġilja
Il-Ħadd 8 t’Awwissu sar il-marċ ferm popolari mal-Maltin bid-dimostrazzjoni ta’ l-istatwa ta’ San Lawrenz jagħti d-dawl lill-Għomja. Din il-ġurnata, magħrufa bħala l-Antiviġilja ta’ San Lawrenz, ġibdet eluf kbar ta’ Maltin ġewwa l-Birgu. Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz għamlet marċ brijuż li spiċċa fin-12.30 am f’Misraħ ir-Rebħa. F’nofs il-lejl kull min kien preżenti assista għat-tlugħ grandjuż tal-istatwa devota ta’ San Lawrenz fuq il-Kolonna fi Triq il-Mina l-Kbira, u wara inħarqu diversi murtali tal-Kulur minn fuq is-sur li komplew sebbħu l-atmosfera brijuża.

It-Tnejn 9 t’Awwissu, fl-10.00 am il-Banda Vittoriosana San Lawrenz tat bidu għall-marċ Tradizzjonali tat-Te Deum. Dan il-marċ beda minn quddiem il-Knijsa Kolleġġjata u Konventwali ta’ San Lawrenz u tela’ f’Misraħ ir-Rebħa. Hawnhekk infetaħ il-Ballun Tradizzjonali, kif ukoll ġie inawgurat Pavaljun ġdid tal-Pittura f’Tarf Triq il-Kardinal. Wara il-marċ kompla fost il-birju tal-partitarji tul Triq il-Mina l-Kbira u intemm għall-ħabta tas-2.00 pm quddiem il-Każin tal-Banda San Lawrenz f’Misraħ ir-Rebħa.

Filgħaxija, għall-ħabta tat-8.00 pm, is-Soċjeta` Filarmonika De Paule Banda Kristu Re ta’ Raħal Ġdid bdiet programm mużikali fuq il-Planċier Artistiku tas-Soċjeta`. Fit-8.30 pm, il-Philharmonie Royale Concordia bdiet marċ minn Triq Pawlu Boffa sal-Pjazza, fejn imbgħad kompliet miexja tul il-Vittoriosa Waterfront u għaddiet għan-naħa magħrufa it-Toqba, fejn kien hemm miġbura eluf ta’ Maltin jaraw l-ispettaklu pirotekniku mtella’ mill-Għaqda Piroteknika 10 t’Awwissu.
Philharmonie Royale Concordia
Philharmonie Royale Concordia
San Lawrenz
It-Tlieta 10 t’Awwissu, Jum il-Festa, Delegazzjoni mill-Kumitat tas-Soċjeta` Mużikali Banda Vittoriosana San Lawrenz attendiet għall-quddiesa Pontifikali ta’ nhar il-Festa ġewwa l-Knisja ta’ San Lawrenz. Wara, għall-ħabta tas-1.00 pm, inżamm il-Pranzu uffiċjali mal Bandisti u Membri tal-Philhamonie Royale Concordia. Imbgħad, fis-7.15 pm, ħarġet il-purċissjoni bl-istatwa titulari ta’ San Lawrenz, Patrun tal-Belt Vittoriosa.

L-Erbgħa 11 t’Awwissu, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz reġgħet tat sehema għall-aħħar darba fil-Festa 2010 billi għamlet il-marċ uniku f’pajjiżna tal-għada tal-Festa, marċ li jassisti għall-inżul tal-istatwa ta’ San Lawrenz jagħti d-dawl lill-Għomja minn Triq il-Mina l-Kbira sad-dħul tagħha ġewwa l-Oratorju tal-Kurċifiss. Wara, il-Banda tagħlaq il-Festi billi tidħol ġewwa l-każin bid-daqq tal-Innu Marċ Popolari Letter A.