Banda Taljana għall-Festa ta’ San Lawrenz

Is-Soċjeta’ Mużikali San Lawrenz bi pjaċir tħabbar li għall-Festa ta’ din is-sena ser ikollha lill-Associazone Culturale Musicale Bandistica ‘Symphonica Citta di Viagrande’ bħala mistiedna fejn dan huwa frott il-ġemellaġġ bejn iż-zewġ soċjetajiet mużikali. Fil-fatt wara li f’Jannar li għadda l-Banda Vittoriosana San Lawrenz ħadet sehem fil-Festa ta’ San Mauro, f’Viagrande, Sqallija issa jmiss li l-Banda minn Viagrande tieħu sehem fil-Festa tal-Patrun tal-Belt Vittoriosa, San Lawrenz Levita u Martri. Nhar l-Antivigilja l-Erbgħa 8 t’Awwissu l’ Associazone Culturale Musicale Bandistica ‘Symphonica Citta di Viagrande’ tibda marċ minn Triq il-Mina l-Kbira fit-8pm u wara tesegwixxi programm mużikali fuq il-Planċier artistiku. L-għada l-Ħamis 9 t’Awwissu l-Banda tesegwixxi Programm Mużikali fiż-żona tat-Toqba qabel ma’ jibda l-ispettaklu pirotekniku ‘ La Notte di San Lorenzo’. Wara ttemm is-servizz b’marċ li jispiċċa quddiem il-Knisja Konventwali ta’ San Lawrenz.