Festa 2011 – Suċċess minn kull lat

Il-Festa tal-Patrun tal-Belt Vittoriosa 2011 kienet suċċess minn kull lat. Dan jixhduh l-ammont kbar ta’ nies li ġew iżuruna matul il-ġranet tal-Festa kollha. Kienet festa sabiħa, fejn apparti l-atmosfera unika magħmula mill-armar uniku ta’ Beltna, spikkat l-ordni waqt il-marċijiet tal-Briju, li żgur huma ta’ eżempju għall-Festi oħra. Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz għal darb’oħra ħarġet bl-unuri kollha fis-servizzi kollha li għamlet, speċjalment fil-Programm Mużikali tas- 7 t’Awwissu, kif ser taraw hawn taħt.
Il-Ħamis 5 t’Awwissu, bħal ma jsir kull sena, sar ir-Riċeviment tal-Festa għall-persuni distinti, soċjetajiet, membri, bandisti u benefatturi ġewwa is-swali prinċipali tal-Każin tal-Banda. Fost il-mistiedna distinti attendew il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, is-Sindku tal-Belt Vittoriosa John Boxall, il-Kavallier Residenti ġewwa l-Birgu Fra John E. Cretien u diversi Membri Parlamentari oħra. Fost id-diskorsi li saru tal-okkażjoni, il-President tas-Soċjeta` is-Sur Lawrence V. Farrugia għamel rendikont żgħir tal-ħidma tas-Soċjeta` matul din is-sena u appella sabiex iktar persuni jersqu ‘il quddiem u jmiddu għonqhom fil-volontarjat, filwaqt li awgura il-Festa t-tajba lill-Vittoriosani kollha. Minn naħa tiegħu, is-Sindku is-Sur John Boxall qal kif hu l-għan tal-Kunsill li l-Birgu ikun l-aqwa u semma’ kif irridu ninvestu fl-edukazzjoni, kif ukoll irrefera għall-proġett tar-restawrazzjoni tas-swar li għaddej fil-preżent. L-Onorevoli Prim Ministru tkellem dwar kif hu mportanti li nirrestawraw dak li writna mingħand missirijietna, sabiex dan il-wirt inżommmuh ħaj kemm jista’ jkun. Kompla jgħid li l-Festa hi opportunita` ukoll sabiex nirrestawraw il-valuri tagħna. Iktar ritratti ta’ din l-okkażjoni jidhru fis-sezzjoni Gallery fil-jiem li ġejjin.
Il-Ħadd 7 t’Awwissu ġie mtella’ il-Vittoriosa in Festa, Programm Mużikali Vokali u Strumentali bis-sehem tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz. Quddiem Pjazza maħnuqa bin-nies, dan il-Programm Mużikali kien suċċess minn kull lat. Kulħadd ħareġ sodisfatt. Min kien preżenti assista għall-xelta ta’ mużika verament varjata, bit-tema The Americas. Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz taħt id-direzzjoni tas-Surmast Paul Schembri daqqet siltiet li huma marbutin b’xi mod mal-Kontinent Amerikan. Ta’ min isemmi it-tmiem spettakolari bis-silta Pirates of The Caribbean li kellha n-nar sinkroinzzat mal-mużika, xogħol l-Għaqda Piroteknika 10 t’Awwissu.
It-Tnejn 8 t’Awwissu sar il-marċ ferm popolari mal-Maltin bid-dimostrazzjoni tal-istatwa ta’ San Lawrenz jagħti d-dawl lill-Għomja. Din il-ġurnata, magħrufa bħala l-Antiviġilja ta’ San Lawrenz, ġibdet eluf kbar ta’ Maltin ġewwa l-Birgu. Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz għamlet marċ brijuż li spiċċa fin-12.30 am f’Misraħ ir-Rebħa. F’nofs il-lejl kull min kien preżenti assista għat-tlugħ grandjuż tal-istatwa devota ta’ San Lawrenz fuq il-Kolonna fi Triq il-Mina l-Kbira, u wara inħarqu diversi murtali tal-Kulur minn fuq is-sur li komplew sebbħu l-atmosfera brijuża.
It-Tlieta 9 t’Awwissu, fl-10.00 am il-Banda Vittoriosana San Lawrenz tat bidu għall-marċ Tradizzjonali tat-Te Deum. Dan il-marċ beda minn quddiem il-Knijsa Kolleġġjata u Konventwali ta’ San Lawrenz u tela’ f’Misraħ ir-Rebħa. Hawnhekk infetaħ il-Ballun Tradizzjonali. Wara il-marċ kompla fost il-birju tal-partitarji tul Triq il-Mina l-Kbira u intemm għall-ħabta tas-2.00 pm quddiem il-Każin tal-Banda San Lawrenz f’Misraħ ir-Rebħa.
Filgħaxija, għall-ħabta tat-8.00 pm, is-Soċjeta` Filarmonika De Paule Banda Kristu Re ta’ Raħal Ġdid bdiet programm mużikali fuq il-Planċier Artistiku tas-Soċjeta`. Fit-8.30 pm, is-Soċjeta` Filarmonika Madonna tal-Karmnu tal-Balluta bdiet marċ minn Triq Pawlu Boffa sal-Pjazza, fejn imbgħad kompliet miexja tul il-Vittoriosa Waterfront u għaddiet għan-naħa magħrufa it-Toqba, fejn kien hemm miġbura eluf ta’ Maltin jaraw l-ispettaklu pirotekniku mtella’ mill-Għaqda Piroteknika 10 t’Awwissu.
L-Erbgħa 10 t’Awwissu, Jum il-Festa, Delegazzjoni mill-Kumitat tas-Soċjeta` Mużikali Banda Vittoriosana San Lawrenz attendiet għall-quddiesa Pontifikali ta’ nhar il-Festa ġewwa l-Knisja ta’ San Lawrenz. Imbgħad, fis-7.15 pm, ħarġet il-purċissjoni bl-istatwa titulari ta’ San Lawrenz, Patrun tal-Belt Vittoriosa.

Il-Ħamis 11 t’Awwissu, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz reġgħet tat sehema għall-aħħar darba fil-Festa 2011 billi għamlet il-marċ uniku f’pajjiżna tal-għada tal-Festa, marċ li jassisti għall-inżul tal-istatwa ta’ San Lawrenz jagħti d-dawl lill-Għomja minn Triq il-Mina l-Kbira sad-dħul tagħha ġewwa l-Oratorju tal-Kurċifiss. Wara, il-Banda tagħlaq il-Festi billi tidħol ġewwa l-każin bid-daqq tal-Innu Marċ Popolari Letter A.