Festa 2012 – Għal darb’oħra… Festa Kbira

Il-Festa tal-Patrun tal-Belt Vittoriosa 2012 kienet suċċess minn kull lat. Dan jixhduh l-ammont kbar ta’ nies li ġew iżuruna matul il-ġranet tal-Festa kollha. Kienet festa sabiħa u speċjali. Dan għaliex din is-sena ġie ċċelebrat il-25 Anniversarju minn meta s-Sur Lawrence V. Farrugia sar President tas-Soċjeta`, kif ukoll biż-żjara tal-Eminenza tiegħu l-Kardinal Propspero Grech, iben il-Belt Vittoriosa. Barra minn hekk, apparti l-atmosfera unika magħmula mill-armar ta’ Beltna, spikkat l-ordni waqt il-marċijiet tal-Briju, li żgur huma ta’ eżempju għall-Festi oħra. Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz għal darb’oħra ħarġet bl-unuri fis-servizzi kollha li għamlet, speċjalment fil-Programmi Mużikali tat u tas-7 t’Awwissu, kif ser taraw hawn taħt.
It-Tnejn 30 ta’ Lulju saret quddiesa mis-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz fil-Knisja Kolleġġjata u Konventwali ta’ San Lawrenz bħala ringrazzjament tal-25 Sena President tas-Sur Lawrence V. Farrugia Il-Quddiesa kienet immexxija mill-Arċipriet tal-Parroċċa, bis-sehem tal-eks Kappillani tas-Soċjeta`. Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz ħadet sehem f’din il-quddies permezz ta’ daqq t’innijiet.
It-Tlieta 31 ta’ Lulju infetħu uffiċjalment il-Festi f’ġieħ Missierna San Lawrenz, permezz ta’ quddiesa u funzjoni reliġjuża li laħqet il-milja tagħha bil-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Lawrenz ġewwa l-Knisja. Din il-funzjoni saret għall-ewwel darba mhux f’anniversarji speċjali, u minn qalbna nawguraw li din tibda ssir kull sena. Wara fid-9.30 pm, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz bdiet il-marċ brijuż magħruf bħala tal-Mota tan-Novena.
L-Erbgħa 1 t’Awwissu komplew jiġu ffesteġġjati il-festi fl-okkażjoni tal-25 Sena Anniversarju tal-President, fejn saru diversi attivitajiet fil-każin. Dawn kienu Ftuħ ta’ Wirja relatata ma’ din l-okkażjoni, kxif mill-ġdid tal-irħama tal-100 sena banda, li ġiet maħduma mill-ġdid sabiex taqbel mal-irħamiet l-oħra u marbuta ma’ din l-okkażjoni, Red Lager Night fil-każin bis-sehem ta’ DJ Popolari Ronald Briffa u wara Marċ Brijuż mill-Banda Vittoriosana San Lawrenz.
Il-Ħamis 2 t’Awwissu kien il-qofol tal-Festi f’ġieħ il-President tas-Soċjeta`, meta fit-8.00 pm Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz tat bidu għall-marċ minn Triq Il-Mina l-Kbira sa Misraħ ir-Rebħa, fejn wara ingħata bidu għall-Programm Vokali u Strumentali fuq il-Planċier Meravilja tas-Soċjeta`. Għal dan il-Programm attendew numru ta’ soċjetajiet mużikali oħra bl-istandard tagħhom, saru numru kbir ta’ preżentazzjonijiet lis-Sur Farrugia minn dawn is-soċjetajiet mużikali, kif ukoll minn għaqdiet oħra tal-Birgu. Il-Programm Vokali u Strumentali intemm bid-daqq tal-Innu l-Kbir lill-San Lawrenz, kompożizzjoni ta’ Mro H. H. Dalli. Ta’ min iseemi wkoll lis-Surmast Paul Schembri ikkompona silta mużikali għal din l-okkażjoni.
Il-Ġimgħa 3 t’Awwissu filgħodu diversi persuni maħturin fil-Kumitat Organizzatv laqgħu lill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Prospero Grech fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Filgħaxija saret l-ikla tradizzjonali taħt il-kampnar tal-Knisja, bis-sehem tal-għaqdiet kollha li jieħdu sehem fil-Festa ta’ San Lawrenz.
Il-Ħadd 5 t’Awwissu, bħal ma jsir kull sena, sar ir-Riċeviment tal-Festa għall-persuni distinti, soċjetajiet, membri, bandisti u benefatturi ġewwa is-swali prinċipali tal-Każin tal-Banda. Fost il-mistiedna distinti attendew is-Sindku tal-Belt Vittoriosa John Boxall, il-Kavallier Residenti ġewwa l-Birgu Fra John E. Cretien u diversi Membri Parlamentari oħra. Fost id-diskorsi li saru tal-okkażjoni, il-President tas-Soċjeta` is-Sur Lawrence V. Farrugia għamel rendikont żgħir tal-ħidma tas-Soċjeta` matul din is-sena u appella lill-kulħadd sabiex nġibu ruħna sew waqt il-marċijiet, filwaqt li awgura il-Festa t-tajba lill-Vittoriosani kollha. Minn naħa tiegħu, is-Sindku is-Sur John Boxall qal kif hu l-għan tal-Kunsill li l-Birgu ikun l-aqwa u semma’ kif irridu ninvestu fl-edukazzjoni, kif ukoll irrefera għall-proġett tar-restawrazzjoni tas-swar li għaddej fil-preżent. Iktar ritratti ta’ din l-okkażjoni jidhru fis-sezzjoni Gallery fil-jiem li ġejjin.
It-Tlieta 7 t’Awwissu ġie mtella’ il-Vittoriosa in Festa, Programm Mużikali Vokali u Strumentali bis-sehem tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz. Quddiem Pjazza maħnuqa bin-nies, dan il-Programm Mużikali kien suċċess minn kull lat. Kulħadd ħareġ sodisfatt. Min kien preżenti assista għall-xelta ta’ mużika verament sabiħa, bit-tema Sports ‘n Music. Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz taħt id-direzzjoni tas-Surmast Paul Schembri daqqet siltiet li huma marbutin mal-iSports, b’mod speċjali b’mużika li ġejjamill-Logħob Olimpiku u t-Tazza tad-Dinja. Ta’ min isemmi it-tmiem spettakolari bis-silta We Are the Champions fejn fost korjografija mill-Vittoriosa Stars Youth Nursery, u nar minn mad-dawra il-Pjazza kollha, xogħol l-Għaqda Piroteknika 10 t’Awwissu.
L-Erbgħa 8 t’Awwissu sar il-marċ ferm popolari mal-Maltin bid-dimostrazzjoni tal-istatwa ta’ San Lawrenz jagħti d-dawl lill-Għomja. Din il-ġurnata, magħrufa bħala l-Antiviġilja ta’ San Lawrenz, ġibdet eluf kbar ta’ Maltin ġewwa l-Birgu. Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz għamlet marċ brijuż li spiċċa fin-12.30 am f’Misraħ ir-Rebħa. F’nofs il-lejl kull min kien preżenti assista għat-tlugħ grandjuż tal-istatwa devota ta’ San Lawrenz fuq il-Kolonna fi Triq il-Mina l-Kbira, u wara inħarqu diversi murtali tal-Kulur minn fuq is-sur li komplew sebbħu l-atmosfera brijuża.
Il-Ħamis 9 t’Awwissu, fl-10.00 am il-Banda Vittoriosana San Lawrenz tat bidu għall-marċ Tradizzjonali tat-Te Deum. Dan il-marċ beda minn quddiem il-Knijsa Kolleġġjata u Konventwali ta’ San Lawrenz u tela’ f’Misraħ ir-Rebħa. Hawnhekk infetaħ il-Ballun Tradizzjonali. Wara il-marċ kompla fost il-birju tal-partitarji tul Triq il-Mina l-Kbira u intemm għall-ħabta tas-2.00 pm quddiem il-Każin tal-Banda San Lawrenz f’Misraħ ir-Rebħa.
Filgħaxija, għall-ħabta tat-8.00 pm, is-Soċjeta` Filarmonika De Paule Banda Kristu Re ta’ Raħal Ġdid bdiet programm mużikali fuq il-Planċier Artistiku tas-Soċjeta`. Fit-8.30 pm, is-Soċjeta` Filarmonika Madonna tal-Karmnu tal-Balluta bdiet marċ minn Triq Pawlu Boffa sal-Pjazza, fejn imbgħad kompliet miexja tul il-Vittoriosa Waterfront u għaddiet għan-naħa magħrufa it-Toqba, fejn kien hemm miġbura eluf ta’ Maltin jaraw l-ispettaklu pirotekniku mtella’ mill-Għaqda Piroteknika 10 t’Awwissu.
Il-Ġimgħa 10 t’Awwissu, Jum il-Festa, Delegazzjoni mill-Kumitat tas-Soċjeta` Mużikali Banda Vittoriosana San Lawrenz laqgħet flimkien mal-Poplu tal-Birgu lill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Prospero` Grech, iben il-Belt Vittoriosa. Wara diskors qasirm is-Sindku John Boxall u mill-Kardinal, sar korteo sal-Kunvent ta’ Santa Skolastika, fejn min hemm bdiet il-Purċissjoni għall-Quddiesa tal-Festa, fejn għal darb’oħra delegazzjoni mill-Kumitat tas-Soċjeta` attendiet għall-quddiesa Pontifikali ta’ nhar il-Festa ġewwa l-Knisja ta’ San Lawrenz. Wara l-Quddiesa, is-Sindku ta Ġieħ il-Birgu lill-Kardinal, fejn wara tela’ ġewwa l-Każin tal-Banda, fejn inkixfet Lapida Kommemorattiva, tħabbar li sar Patrun tas-Soċjeta`,u saru xi preżentazzjonijiet żgħar. Imbgħad, fis-7.15 pm, ħarġet il-purċissjoni bl-istatwa titulari ta’ San Lawrenz, Patrun tal-Belt Vittoriosa.

Is-Sibt 11 t’Awwissu, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz reġgħet tat sehema għall-aħħar darba fil-Festa 2012 billi għamlet il-marċ uniku f’pajjiżna tal-għada tal-Festa, marċ li jassisti għall-inżul tal-istatwa ta’ San Lawrenz jagħti d-dawl lill-Għomja minn Triq il-Mina l-Kbira sad-dħul tagħha ġewwa l-Oratorju tal-Kurċifiss. Wara, il-Banda tagħlaq il-Festi billi tidħol ġewwa l-każin bid-daqq tal-Innu Marċ Popolari Letter A.