Francois Borg maħtur Assistent Surmast tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz

MyProfile Il-Kumitat tas-Soċjeta’ Mużikali San Lawrenz ħatar lil Francois Borg bħala Assistent Surmast tal-Banda kif ukoll għalliem tal-istrumenti tal-injam fi ħdan l-istess Soċjeta.

Francois Borg iben Anthony u Carmen Borg, twieled fis-7 ta’ Jannar 1988. Huwa attenda edukazzjoni terzjarja fl-MCAST ġewwa Raħal Ġdid, fejn ikkwalifika fil-qasam tat-teknologija u aktar ‘l quddiem, permezz ta’ korsijiet part-time ikkwalifika bħala Network Administrator . Ix-xogħol primarju tiegħu huwa ta’ IT Administrator fil-qasam tal-Edukazzjoni.

Fl-eta’ ta 6 snin Francois beda jitgħallem il-mużika għand John David Zammit fejn ħa tagħlim bażiku kemm tal-kitba kif ukoll fuq il-pjanu. Fl-eta’ ta’ għaxar snin huwa kien imħajjar jibda jdoqq il-klarinett minn Vincent Bonnici, li għallem lil Francois għal tul ta’ 5 snin. Il-ħajra mużikali kompliet titkattar fih permezz ta’ ħuħ Ivan Borg li huwa mużiċist full-time mal-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta. Għal ċertu żmien l-aħwa Borg studjaw il-mużika flimkien. Wara sentejn ta’ tagħlim, l-istess Vincent Bonnici ressaq lil Francois biex jibda jieħu sehem fi programmi mużikali. L-ewwel banda li daqq magħha kienet dik ta’ Birżebbugia San Pietru Fil-Ktajjen fejn kienu indaqqew żewġ siltiet fuq programm televiżiv ta’ dak iż-żmien.

Francois kompla jistudja t-Teorija għand Raymond Sciberras u pjanu għand Joseph Caruana, iben il-mibki Surmast Carmelo Caruana. Francois kiseb ħafna esperjenza fi żmien meta inagħaqad mal-Banda King’s Own fejn kellu x-xorti jdoqq taħt l-istess surmast imsemmi Carmelo Caruana għal ħames programmi konsekuttivi fl-Istitut Kattoliku , il-Floriana. Francois ssokta l-istudji tiegħu fuq il-klarinett għand Godfrey Mifsud li għadu jiggwidah sal-lum il-ġurnata.

Fis-sena 2013 Francois ġie avviċinat mis-surmast Jonathan Abela biex jibda jgħallem l-istrumenti tal-qasba fil-każin San Ġużepp tal-Kalkara, fejn l-istess Banda, fil-21 ta’ Settembru tal- istess sena ħatritu assistent surmast. Bla dubju, din kienet esperjenza siewja għal Francois kemm bħala għalliem tal-mużika kif ukoll bħala direzzjoni tal-Banda. Dan għaliex fl-2014, huwa dderieġa siltiet ta’ mużika li l-Banda San Ġużepp tal-Kalkara esegwiet bħala parti mill-Programm Mużikali tal-festa. Huwa kellu wkoll diversi opportunitajiet li jdoqq bħala solist mal-istess Banda San Ġużepp u ma’ diversi baned oħra madwar Malta.