Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz titlaq lejn Sqallija

Kmieni dalgħodu l-Banda Vittoriosana San Lawrenz flimkien ma’ numru ta’ partitarji telqet lejn Viagrande, Sqallija sabiex tesegwixxi Marċi u Programmi Mużikali. Il-Banda tal-Birgu ġiet mistiedna biex tmur Viagrande, sabiex tieħu sehem fil-Festa ta’ San Mauro li ssir f’dan il-lokal viċin Catania. Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz kienet marret Catania fl-1903, Messina fl-1904, Tuneż fl-1927 u l-aktar riċenti l-Belġju fis-sena 2010 fejn saret l-ewwel banda li daqqet f’Dar Malta fi Brussell fejn b’hekk din hija l-ħames mawra barra minn xtutna fl-istorja tas-Soċjeta`. Din is-safra ser tagħti bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-135 Sena Banda mis-Soċjeta’ Mużikali San Lawrenz. Il-Banda ser tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Jonathan Abela.