|
| It-Tnejn 1 ta’ Frar wara nofs in-nhar il-Belt Vittoriosa kienet siekta ssellem lill-mibki l-Kanonku Dun Ġużepp Caruana li ħalla din id-dinja nhar il-Ħadd li għadda. Is-skiet beda jinkiser biss b’ċapċip tan-nies li riedu jirringrazzjaw lil Dun Ġużepp ta’ dak kollu li għamel. B’korteo li beda minn Triq Boffa sal-Parroċċa ta’ San Lawrenz il-poplu Vittoriosan sellem lil Dun Ġużepp tas-servizz kbir li huwa ta lil din il-Parroċċa. Il-President flimkien mal-uffiċjali u membri tal-Kumitat ħadu sehem fil-korteo filwaqt li hekk kif is-salma waslet quddiem ‘Palazzo Huesca’ huwa ngħata salut permezz ta’ fanfara mill-bandisti tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz. Wara fi Knisja maħnuqa bin-nies saret il-Quddiesa Funebri mmexxija mill-Arċisqof Monsinjur Charles Scicluna. Wara l-Quddiesa saret id-difna b’mod privat. |