Il-Belt Vittoriosa tilqa b’entużjażmu r-relikwija li fiha d-demm qaddis ta’ San Lawrenz


272813-350xNone Din is-sena l-festi ta’ San Lawrenz fil-Belt Vittoriosa ser jibdew aktar kmieni mis-soltu. Dan għar-raġuni li l-Knisja Kolleġjata, Matriċi u Konventwali ta’ San Lawrenz ser tilqa fiha għall-ewwel darba fl-istorja, ir-relikwija li fiha d-demm tal-qaddis patrun San Lawrenz. Din ir-relikwija mirakoluża u fost l-aktar relikwiji popolari ta’ San Lawrenz Levita Martri, ser tinġieb mill-Italja nhar il-Ħamis 24 ta’ Lulju.

Ir-Relikwija tad-Demm ta’ San Lawrenz

Ir-raħal ta’ Amaseno, raħal żgħir qalb il-muntanji fir-Reġjun ta’ Frosinone, qrib Ruma għadu sal-lum iżomm b’għożża kbira ir-reliwkija tad-demm ta’ San Lawrenz. Din ir-relikwija hija meqjusa bhala wahda mill-aktar relikwiji popolari li għandha l-Knisja Kattolika u waħda mill-aktar imfittxija b’konnessjoni mall-qaddis San Lawrenz.

Il-fatt li jagħmel din ir-reliwkija waħda daqstant imfittxija u tant popolari fid-Dinja Kattolika huwa li b’għaġeb kbir fil-jum tal-Festa ta’ San Lawrenz, nhar l- 10 t’ Awwissu ta’ kull sena, id-demm tal-qaddis Lorenzu, jidher ċar jinħall, sabiex ta’ kull sena ikun xhieda quddiem kulħadd li dan verament huwa demm qaddis.

Din ir-relikwija tinsab fil-Katidral ta’ Santa Marija ta’ l-istess raħal Taljan. Minħabba dan l-aspett sopranaturali li jiġri ta’ kull sena fl-10 ta’ Awissu, dan ir-relikwarju kien investiġat diversi drabi minn diversi xjentisti. Kull xjentist li investiga din ir-relikwa iċċertifika li din fiha demm uman kif ukoll biċċiet ta’ ġilda u xaħam uman u anke xi rmied. Madankollu, kemm ix-xjenza kif ukoll l-Awtoritajiet tal-Knisja jaqblu li dak li jiġri ta’ kull sena fil-jum ta’ l-10 ta’ Awissu, huwa ‘il fuq mix-xjenza u huwa ta’ natura divina.

Ta’ min jgħid li San Lawrenz huwa qaddis Spanjol li ngħata l-martirju billi ġie maħruq fuq gradilja fil-Belt ta’ Ruma fis-sena 258. Il-popolarita tal-qaddis San Lawrenz hija mifruxa madwar id-dinja kollha. Insibu katidrali, bażiliki, knejjes, palazzo, bliet, xmajjar u mitt ħaġa oħra ddedikati lill-qaddis San Lawrenz madwar id-dinja kollha.

F’pajjiżna, l-ewwel Parroċċa ta’ Malta wara dik tal-Katidral, jiġifieri l-Parroċċa tal-Belt Vittoriosa, sa mill-eqdem żminijiet ġiet iddedikata lil dan il-qaddis żagħżugħ. F’Għawdex, mhux biss Parroċċa imma saħansitra raħal ġie mgħammed bl-isem ta’ San Lawrenz.

Infatti, kienet il-Parroċċa ta’ San Lawrenz ta’ Għawdex li għamlet l-arranġamenti meħtieġa biex din ir-relikwija toħroġ għall-ewwel darba mill-Italja u tinġieb għal ftit ġranet f’pajjiżna

Il-Programm ta’ l-attivitajiet fil-Belt Vittoriosa

Kif diġa ndikat, minħabba l-fatt tal-miġja ta’ din ir-relikwija prezzjuża, il-Festi tant popolari ta’ San Lawrenz li jsiru ta’ kull sena fil-Belt Vittoriosa, din is-sena ser jibdew ferm qabel.

Infatti nhar l-Erbgħa 23 ta’ Lulju fis-6 p.m issir quddiesa konċelebrata fil-Parroċċa u wara jsir il-ħruġ tal-vara titulari ta’ San Lawrenz minn niċċa. L-istatwa tiddawwar proċessjonalment ġol-Knisja fost l-entużjażmu u l-kant ta’ l-Innijiet.

Il-Ħamis 24 ta’ Lulju hija l-ġurnata tant mistennija. Kmieni wara nofsinhar, ir-relikwija tasal mill-Italja fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, flimkien ma’ delegazzjoni mill-Katidral ta’ Amaseno. Minn hemmhekk ir-relikwija tittieħed privatament lejn il-Knisja ta’ Santa Skolastika fejn tintrama fuq pedestall fuq l-artal maġġur ta’ l-istess Knisja.

Fis-6.00 p.m, il-Kapitlu tal-Kolleġjata Lawrenzjana joħroġ proċessjonalment mill-Parroċċa lejn il-Knisja ta’ Santa Skolastika biex għal ħabta tas-6.15 p.m tibda il-purċissjoni bir-relikwija. Din il-Purċissjoni ħa titmexxa mill-Arċipriet flimkien mall-Kapitlu tal-Parroċċa u fiha ser jieħdu sehem il-fratellanzi kollha tal-Matriċi kif ukoll il-Banda Vittoriosana San Lawrenz.

Mall-wasla tar-relikwija tad-demm ta’ San Lawrenz fil-Knisja Konventwali iddedikata lill-istess qaddis, jibda Pontifikal solenni immexxi minn Mons. Pawl Cremona, Arċisqof ta’ Malta flimkien mall-Kapitlu tal-Kolleġjata u rapprezentanti tal-Katidral ta’ Amaseno.

Wara l-Pontifikal, ir-relikwija tkun esposta għall-qima tal-pubbliku fil-Knisja sa nofsilejl.

L-għada l-Ġimgħa, ir-relikwija tkun esposta għall-pubbliku fil-Knisja mis-6 a.m sa nofsinhar u mis-2 p.m sal-4 p.m. Fl-4 p.m ikun hemm għasar solenni u wara r-relikwija tiġi trasportata lejn il-Parroċċa ta’ San Lawrenz ta’ Għawdex.

Il-Kapitlu tal-Belt Vittoriosa flimkien mall-Organizzaturi ta’ dawn il-Festi jistiednu lill-Vittoriosani kollha kif ukoll lid-dilettanti kollha tal-festi biex jkunu preżenti għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet uniċi li ser jagħtu bidu għall-festi f’gieħ San Lawrenz 2014, festi li jilħqu l-qofol tagħhom f’jum il-Festa ta’ San Lawrenz, il-Ħadd 10 ta’ Awwissu.