Illejla tiftaħ il-Wirja ‘ Ġetsemani’


Gestemani wirja 2014 Poster Illejla fis-7.15pm il-Ministru Joe Mizzi ser jiftaħ uffiċjalment l-għoxrin edizzjoni tal-Wirja ‘Ġetsemani’. Il-wirja hija maqsuma f‘ ħames partijiet. Fl-ewwel taqsima nassistu għad-daħla ta’ Kristu f’Ġerusalem. Hawnhekk insibu statwa ta’ Kristu ‘life size’ fuq ħmara dieħel b’mod trijonfali segwit min-nies Lhud kif ukoll qassisin. L-istatwi f’din it-taqsima huma xogħol l-istatwarju Vittoriosan Andrew Bugeja.

Tkompli dieħel aktar il-ġewwa u ssib Mejda tal-Appostli fuq stil Lhudi. Hawnhekk inżammet wirja viċin l-oriġinali fejn wieħed jista’ jassisti għall-kamra fuq stil antik bil-fuħħar. It-taqsima li jmiss hi Ġuda jbiegħ lil Kristu. Fiha naraw lill-appostlu jirċievi l-flus mingħand il-qassis il-kbir. Ix-xenarju u l-istatwi f ‘din it-taqsima huma wkoll xogħol l-istatwarju Vittorjożan Andrew Bugeja.

Iżda l-attrazzjoni prinċipali f’din il-wirja hija bla dubju ta’ xejn is-sala prinċipali fejn hemmhekk insibu żewġ xeni differenti mill-passjoni. Is-Sala hija mibdula fil-ġnien tal-Ġetsemani. Hawn wieħed isib statwi life size xogħol l-istatwarju Għawdxi Michael Camilleri Cauchi. Imponenti hija l-istatwa ta’ Kristu li hija komplimentata bi tliet appostli – Pietru, Ġakbu u Ġwanni u fid-daħla tal-ġnien hemm Ġuda flimkien mal-qassis u s-suldat sejrin għal Kristu.

F’parti oħra rtirata ta’ din is-Sala nsibu l-flaġellazzjoni ta’ Kristu fejn l-artist Andrew Bugeja ħareġ l-kapaċitajiet tiegħu. Fiha insibu lil Kristu fflaġellat miżmum minn żewġ suldati.

Din il-wirja tkun miftuħa kuljum mis-6pm sad-9pm bis-Sibtijiet, Ħdud u Festi Pubbliċi filgħodu wkoll mid-9am sa nofs in-nhar. Id-dħul huwa mingħajr ħlas.