Is-Soċjeta’ Mużikali San Lawrenz fil-Festi tal-Ġimgħa Mqaddsa 2018

Is-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz ser tkun impenjata b’dan il-Programm t’attivitajiet matul il-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa 2018.

Il-Ħamis 22 ta’ Marzu – Ftuħ tal-Wirja tal-Ġimgħa l-Kbira ‘Ġetsemani’.

Il-Ħadd 25 ta’ Marzu – ĦADD IL-PALM
Fl-9.45am Is-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz, Belt Vittoriosa flimkien mal-Għaqda Mużikali San Ġużepp, Kalkara għal darb’oħra ser ikunu qegħdin itellgħu Programm Mużikali ta’ mużika u marċi funebri mill-bandisti u allievi tal-post taż-żewġ soċjetajiet mużikali. Dan il-Programm ser isir fil-Pjazza tal-Belt Vittoriosa. Il-banda tkun taħt id-direzzjoni tal-Assistent Surmast Francois Borg.

Il-Ġimgħa 30 ta’ Marzu – JUM IL-ĠIMGĦA L-KBIRA
Fil-5.30pm Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz tibda Programm ta’ mużika funebri fil-Pjazza tal-Belt Vittoriosa waqt it-tlugħ tal-proċessjoni li toħroġ mill-Knisja Kolleġġjata u Konventwali ta’ San Lawrenz. Hekk kif il-Vara tal-Kruċifissjoni tasal fil-Pjazza l-Banda tal-Birgu takkumpanja quddiem il-Vara l-Kbira madwar it-toroq tal-Belt Rebbieħa. Il-Banda tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Jonathan Abela.

Is-Sibt 31 ta’ Marzu – SIBT IL-GĦID
Fl-10.15pm Wara l-funzjoni tal-Knisja fis-Sala Prinċipali ta’ Palazzo Huesca jsir is-solitu ‘Easter Buffet Breakfast’ fejn il-kumitat, bandisti, membri u partitarji tas-Soċjeta` jibdew jiċċelebraw flimkien il-Festa tal-Għid il-Kbir.

Il-Ħadd 1 t’April – ĦADD IL-GĦID
Fl-10.00am Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz takkompanja l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt madwar it-toroq tal-Belt Vittoriosa b’daqq ta’ valzi u marċi popolari. Wara l-ewwel ġirja hekk kif il-proċessjoni tasal quddiem Palazzo Huesca jsir it-tberik tal-figolli mill-Wisq. Rev. Arċipriet il-Kanonku Karm Busuttil u wara tiġi inawgurata bandiera ġdida tas-Soċjeta` fl-okkażjoni tal-135 Sena anniversarju tal-banda.

Għal din l-okkażjoni s-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz ippubblikat xi ħaġa innovattiva għall-Baned Maltin fejn għall-ewwel darba tniehda album ta’ marċi funebri mit-Tielet Millenju fuq USB Flash Drive. Pakkett uniku għall-prezz speċjali u inizjali ta’ €15 fejn fih id-dettalji tal-marċi, l-USB Drive u biro tal-okkażjoni. Proġett ieħor kreattiv fl-okkażjoni tal-135 Sena Anniversarju tal-Banda tal-Birgu.