Jum memorabbli ieħor fl-istorja tal-Banda tal-Birgu

Nhar il-Erbgħa 6 ta’ Ġunju, 2018 il-Banda Vittoriosana San Lawrenz tellgħet il-Programm Mużikali Annwali ‘Birgu Spring Concert’ fil-Forti Sant’Anġlu, il-Belt Vittoriosa. Quddiem attendenza numeruża l-Banda taħt id-direzzjoni tas-Surmast Jonathan Abela esegwiet xelta ta’ mużika għall-gosti ta’ kulħadd. Fost ix-xogħolijiet mużikali s- siltiet Sedona, Saint Angelo, Nabucco, Leħen Rebbieħ, Emperor Waltz, Air for Band, Back to the future u Mary Poppins. Dan il-Programm kien parti miċ-ċelebrazzjoni tal-135 sena anniversarju mit-twaqqif tal-ewwel banda tal-Birgu. Fid-diskors tiegħu l-President tas-Soċjeta’ is-Sur Lawrence V. Farrugia ta ħarsa fil-qosor lejn il-passat u l-futur tal-Banda tal-Birgu. Matul din is-serata saret il-premjazzjoni lis-Sur Andre’ Gatt, rebbieħ tal-konkors ‘Logo 135’.