Skambju bejn il-Banda Vittoriosana San Lawrenz ma’ Soċjeta` mużikali ewlenija fil-Belġju
Is-soċjetajiet tal-mużika u l-baned Maltin iservu bħala skejjel tal-mużika u bħala tali għandhom ikunu inkoraġġiti jieħdu inizjattivi li permezz tagħhom jgħallmu l-mużika b’passjoni lit-tfal Maltin u Għawdxin. Skambji kulturali bħal dak li qed tidħol għalih is-Soċjeta` Mużikali Banda Vittoriosana San Lawrenz tal-Birgu huma essenzjali mhux biss biex tippromwovi l-kultura Maltija ‘l bogħod minn xtutna iżda wkoll biex tagħti opportunita` tajba lit-talent Malti jesebixxi ruħu barra l-pajjiż.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika Chris Said meta indirizza konferenza tal-ahbarijiet li matulha s-Soċjeta` Mużikali Banda Vittoriosana San Lawrenz tal-Birgu ħabbret skambju ma’ banda ta’ kwalita` Belġjana. Il-Philharmonie Royale Concordia ta’ Ottignies fil-Belġju se tkun Malta bejn il-5 u t-12 t’ Awwissu li ġej biex tieħu sehem fil-Festa ta’ San Lawrenz fil-Birgu. |
Din is-soċjeta` mużikali mill-Belġju se tieħu sehem f’żewġ programmi mużikali oħra. Se ddoqq f’San Lawrenz f’Għawdex nhar is-6 t’ Awwissu li ġej, kif ukoll f’Marsaxlokk fit-8 t’ Awwissu li ġej.
Grazzi għall-ftehim milħuq, aktar tard din is-sena, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz se tmur il-Belġju biex tagħmel tliet programmi. Wieħed mill-programmi mużikali se jsir fi Brussell u se jkun miftuħ għall-komunita` Maltija li tgħix u taħdem hemm.
Dan hu l-ewwel skambju li qed tidħol għalih il-Banda Vittoriosana San Lawrenz. Madanakollu diġa` għandha l-esperjenza ta’ erba’ mawriet barra l-pajjiż li kollha jmorru lura għal qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Fl-1902 kienet daqqet f’Catania, fl-1904 kienet daqqet f’Messina u f’Palermo filwaqt li fl-1927 kienet marret Tuneż.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said faħħar din l-inizjattiva tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz u ħeġġeġ aktar soċjetajiet mużikali jimxu fuq passi bħal dawn u jipprovdu opportunitajiet impprezzabbli lill-bandisti u lill-alljevi tagħhom. |
Indirizzaw din il-konferenza tal-ahbarijiet il-President tas-Soċjeta` Lawrence V. Farrugia u l-Koordinatur u PRO Simon Farrugia li taw aktar dettalji fosthom dwar il-Programm Internazzjonali li ser isir bejn iż-żewġ baned nhar is-7 t’Awwissu fuq il-Planċier Artistiku filwaqt li s-Sindku tal-lokal is-Sur John Boxall faħħar din l-inizjattiva fejn elenka li huwa ta’ unur għall-Kunsill tiegħu li qed jgħin fi skambju kulturali.