Laqgħa ma’ delegazzjoni tal-Banda San Ġorġ, Bormla

Il-Ġimgħa li għaddiet delegazzjoni mill-Kumitat tas-Soċjeta’ Mużikali San Lawrenz iltaqgħet ma’ delegazzjoni mill-Kumitat tal-Banda San Ġorġ, Bormla flimkien mar-rappreżentanti tal-Kumitat Festi Esterni San Lawrenz.

F’din il-laqgħa li saret f’Palazzo Huesca ġie diskuss is-servizz li l-Banda San Ġorġ ser tagħmel flimkien mal-Banda Vittoriosana San Lawrenz nhar it-30 ta’ Lujlu fl-okkażjoni tal-75 sena anniversarju mill-miġja lura tal-istatwa titulari ta’ San Lawrenz, Patrun tal-Belt Vittoriosa.

Ta’ min jinnota wkoll li nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru l-Banda Vittoriosana San Lawrenz ser tirrapreżenta lill-Beltna fil-manifestazzjoni tal-75 Anniversarju mill-miġja lura wara l-gwerra tal-istatwa ta’ Maria Immakulata f’Bormla.

Barra minn dan il-Kumitati taż-żewġ għaqdiet mużikali bdew ukoll jitkellmu dwar kif din il-ħbiberija tkompli tissaħħaħ u tikber fis-snin li ġejjin.