Minn għada l-Ġimgħa 22 ta’ Mejju ftuħ mill-ġdid ta’ Palazzo Huesca

Il-Kumitat tas-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz bi pjaċir iħabbar li minn għada l-Ġimgħa 22 ta’ Mejju, 2020 ‘Palazzo Huesca’ ser jerġa’ jinfetaħ. Dan wara li f’dawn l-aħħar ġimgħat kellu jinżamm magħluq biex tiġi salvagwardjata s-saħħa tagħna lkoll.

Dan kien possibbli wara d-deċiżjoni tal-Awtoritajiet tas-Saħħa li ppermettew li l-każini jistgħu jiftħu mill-ġdid. Ovvjament ix-xenarju ser ikun wieħed differenti minn kif nafuh iżda dan huwa l-ewwel pass biex bil-mod il-mod nirritornaw għall-ħajja normali. Kull min jidħol fil-każin irid jagħmel dan purament biex jiekol jew jixrob u jrid ikun bil-qiegħda f’mejda ta’ mhux aktar minn sitt persuni. Tipjip ma jista’ jsir f’ebda parti tal-Każin anqas jekk persuna tkun bil-qiegħda fil-pjattaforma ta’ quddiem ‘Palazzo Huesca’.

Bħal dejjem nitolbu l-koperazzjoni ta’ kulħadd. Mill-ġdid nerġgħu nibdew niltaqgħu fl-isbaħ Palazz tal-Belt Vittoriosa u fid-dar naturali tal-Palmiżi.