Min Aħna

Soċjeta` Muzikali Banda Vittoriosana San Lawrenz

Il-Faċċata tal-Każin
Il-Faċċata tal-Każin

Fl-1883, żewġ soċjetajiet, li fihom kien hemm xi mużiċisti, li kienu parti minn banda tajba li kien hawn f’din il-belt snin qabel u minħabba raġunijiet diversi, ma baqgħetx tiffunzjona, ingħaqdu flimkien bil-għan li jiffurmaw banda li tixraq lil din il-belt, li l-ġibda tan-nies tagħha lejn il-mużika kienet tmur lura mijiet ta’ snin. Kif kien xieraq, wara li seħħet din l-għaqda, il-banda ġdida hekk iffurmata tingħata l-isem L’Unione. Dan kien isem li jixirqilha, għax kuntrarju għal uħud mill-baned, minnflok li twaqqfet permezz ta’ xi firda wara nuqqas ta’ ftehim, il-Banda tal-Birgu twaqqfet permezz ta’ għaqda.
F’dan it-tul taż-żmien il-banda għaddiet minn żminijiet uħud sbieħ u oħrajn mhux tant sbieħ. Laħqet il-quċċata tagħha bejn is-snin 1910 – 1927 fiż-żmien meta l-Banda kienet taħt id-Direzzjoni tas-Surmast Giovanni Giumarra u Carl Maria Artz meta l-Banda tant kienet imfittxija għall-Kunċerti u servizzi tagħha li fl-1926 għamlet 57 programm.

Wara l-Gwerra bil-ħidma tas-Segretarju Benny Dalmas u s-Surmast Paċifiku Scicluna u numru ta’ bandisti oħra li baqgħu sal-aħħar attivi, il-kazin u l-banda reġgħu bdew bil-ħidma tagħhom meta fis-sena 1943 l-banda ħadet sehem fil-festa ta’ San Lawrenz ta’ dik is-sena. Minn dak iz-zmien bi tmexxija għaqlija ta’ Dr. Giovanni Calleja, Dr. Paul Mallia u l-President attwali Lawrence V. Farrugia, il-banda għamlet passi ohra l-quddiem billi sar bosta xogħol meħtieg fl-istruttura tal-Palazz kif ukoll fit-tmexxija tal-banda taħt is-Surmast Hector Dalli u Pawlu Schembri. Fl-1978 għall-imhabba kbira li l-Vittoriosani kellhom lejn San Lawrenz inbidel isem il-Banda minn ‘HRH Duke of Edinburgh’ għal ‘Soċjeta` Mużikali Banda Vittoriosana San Lawrenz’.

Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz baqgħet attiva tul is-snin fejn fil-preżent tagħmel il-fuq minn għoxrin servizz fis-sena , Programm Annwali, Akkademji u Programmi Mużikali varji.

Fl-okkażjoni tal-125 sena mit-twaqqif tal-Banda u tal-1750 sena mill-Martirju tal-Levita Padrun tal-Belt Vittoriosa, ġie nawgurat planċier tal-Banda mill-isbah, planċier artistiku fuq disinn tas-Surmast Salvu Bugeja li jkompli jsaħħah l-għaqda u sodizza ta’ din is-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz. Il-planċier huwa wieħed mill-kbar li b’faccata ta’ 37 pied hemm wesgħa għall-Banda kbira kif ukoll għal Kor u l-Kantanti.

Għalkemm il-festi tal-125 sena mit-twaqqif ta’ din is-Soċjeta` kienu suċċess kbir, il-kumitat ħabrieki ma waqafx hawn. Anzi, qiegħed ikompli għaddej b’ħidma liema bħala sabiex ikompli jgħolli isem din is-Soċjeta` u jikkonfermaha fost l-ewlenin f’pajjiżna.