Il-mawra tal-Banda San Lawrenz ġewwa l-Belġju 2010
Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz żaret il-Belġju bejn il-11 u 18 ta’ Diċembru 2010, bħala parti mill-iskambju mużikali mal-Philharmonie Royale Concordia minn Ottignies ġewwa l-Belġju. Il-Kontinġent bejn Bandisti, membri tal-Kumitat u akkumpanjaturi kien jgħodd mal-54 ruħ. Dan il-grupp telaq lejn il-Belġju is-Sibt 18 ta’ Diċembru wara nofsinhar u wasal fil-lukanda ġewwa Louvain-La-Neuve għall-ħabta tad-9 ta’ filgħaxija.
L-għada, il-Ħadd 19 ta’ Diċembru, il-kontinġent attenda għall-quddies ġewwa din il-Belt u mbgħad rħielha lejn il-Belt ta’ Nivelles, fejn il-Banda San Lawrenz tat l-ewwel kunċert tagħha. Dan il-kunċert sar ġewwa l-Knisja Kolleġġjata ta’ Nivelles fis-1.30 pm, li hi l-knisja prinċipali fil-qalba ta’ din il-Belt. Flimkien mal-Banda San Lawrenz, ħadet sehem ukoll il-Philharmonie Royale Concordia. Il-Banda San Lawrenz, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Paul Schembri, għamlet dan il-Programm;
Light Cavalry | F.V. Suppe |
Blue Danube | Johan Strauss |
Gladiator | Hans Zimmer |
20th Anniversary | Paul Schembri |
Feliz Navidad | Jose Feliciano |
Christmas Kings | Arr. A. Balent |
Radetzky March | Johan Strauss |
Dan il-programm ġie milqugħ tajjeb ħafna minn dawk preżenti. Wara, li spiċċa dan il-kunċert, iż-żewġ baned kienu mistiedna għall-riċeviment ġewwa Lukanda Ewlenija f’Nivelles li kien mogħti mis-Sindku ta’ din il-Belt. Imbgħad, wara li l-kontinġent kellu ċ-ċans li jżur il-Villaġġ tal-Milied tal-Lokal, rħielha lejn Ceroux-Mousty fejn il-Philharmonie Royale Concordia organizzat ikla uffiċjali għall-kontinġent kollu.
It-Tnejn 13 u t-Tlieta 14 ta’ Diċembru kienu ġranet liberi mid-daqq u għalhekk il-kontinġent żar diversi postijiet fosthom Maredsous u l-Kunvent tal-lokal, Dinant, fejn jinsab mużew famuż ħafna rigward l-istrument tas-Saxophone u Bruges, belt sabiħa fin-naħa ta’ fuq tal-Belġju.
L-Erbgħa 15 ta’ Diċembru kienet ġurnata oħra mpenjattiva għall-Banda San Lawrenz mil-lat mużikali. Wara li l-grupp kollu żar il-Belt Louvain-La-Neuve, waranfosinhar il-Banda daqqet fil-pjazza Prinċipali ta’ dan il-post fejn allegrat lill-dawk kollha li kienu qed iżuru il-villaġġ tal-Milied. F’dan il-programm, f’kesħa kbira il-Banda San Lawrenz daqqet din il-mużika;
Light Cavalry | F. V. Suppe |
20th Anniversary | Paul Schembri |
Blue Danube | Johan Strauss |
Best of Zucchero | P. Pia |
The Best of Maltese Folklore | Arr. A. Chircop |
Carmen | George Bizet |
La Vita e Bella | Nicola Piovani |
Feliz Navidad | Jose Feliciano |
Christmas Kings | A. Balent |
Il-Ħamis 16 ta’ Diċembru, il-kontinġent żar il-post storiku ta’ Waterloo. Hawnhekk il-grupp kellu ċ-ċans li jara id-dar fejn għix id-Duka ta’ Wellington, il-mużew, diversi filmati kif ukoll l-art li fuqha saret din il-battalja tant famuża.
Imbgħad il-Ġimgħa 17 ta’ Diċembru kien l-iktar jum importanti f’din il-mawra. Il-grupp kellu telaq wara nofsinhar lejn Brussell fejn wara li żar il-Grand Place u xi postijiet oħra fiċ-ċentru ta’ din il-Belt Kapitali Ewropeja, il-Banda San Lawrenz marret ġewwa Dar Malta biex tibda tipprepara għall-Kunċert u l-Quddiesa. Filfatt, il-Banda San Lawrenz akkumpanjat bid-daqq ta’ għanjiet tal-Milied l-ewwel quddiesa li qatt saret ġewwa dan il-post. Wara li spiċċat il-quddiesa, il-Banda akkumpanjat ukoll grupp ta’ tfal Maltin waqt il-kant tal-Christmas Carols.
Pero` iktar importanti minn hekk, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz kienet propju l-ewwel banda Maltija li qatt daqqet ġewwa Dar Malta. U bix-xieraq, fuq stedina tal-Ambaxxatur Malti għar-Renju tal-Belġju, li l-Banda San Lawrenz ħejjiet u daqqet program sabiħ ħafna;
Light Cavalry | F. V. Suppe |
Il-Bajja tal-Mellieħa | Arr. Mauro Farrugia |
Blue Danube | Johan Strauss |
Best of Zucchero | P. Pia |
Niftakar Fik | Arr. R. Zammit |
20th Anniversary | Paul Schembri |
The Best of Maltese Folklore | Arr. A. Chircop |
Feliz Navidad | Jose Feliciano |
Christmas Kings | A. Balent |
Dan il-Programm intlaqa’ tajjeb ħafna minn dawk preżenti. Wara li daqqet il-Banda San Lawrenz, saru id-diskorsi u l-preżentazzjonijiet lill-Kumitat u s-Surmast tal-Philharmonie Royale Concordia u lill-Ambaxxatur Malti l-E.T. tiegħu Pierre Clive Agius. Wara li sar riċeviment tal-okkażjoni, il-Philharmonie Royale Concordia għamlet il-programm tagħha.
Is-Sibt 18 ta’ Diċembru, l-aħħar jum tal-Banda San Lawrenz ġewwa l-Belġju, beda minn kmieni filgħodu meta l-kontinġent kollu kien mistieden għall-Breakfast tradizzjonali tal-Milied Belġjan ġewwa Farmhouse f’Ottignies. Wara sar kunċert mill-Philharmonie Royale Concordiafejn il-kontinġent kollu setgħa jara il-mod kif din l-orkestra tagħmel ir-rehearsals tagħha. Pero` il-mawra kienet waslet fl-aħħar tagħha, u b’theddida ta’ maltempata borra, il-kontinġent telaq mill-Belġju u wasal lura Malta għall-ħabta ta’ nofs il-lejl. Żgur li din il-mawra tista’ titqies suċċess minn kull lat, kemm mil-lat mużikali, kif ukoll minn dak organizattiv u ta’ divertiment, u dan qaluh il-membri tal-kontinġent li akkumpanja lill-Banda San Lawrenz kif ukoll diversi rapporti li deheru fl-istampa.
Skambju Mużikali ieħor
Wara biss 8 snin, u fl-okkażjoni tal-135 Anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjeta`, il-kumitat ħass li jkun xieraq li għal darb’oħra, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz tkun l-ambaxxatriċi ta’ Beltna u ta’ Pajjiżna barra minn xtutna. U għal darb’oħra, x-xewqa kienet li jerġa’ jsir skambju mużikali bħal ma sar fl-2010. Għaldaqstant, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz kienet il-mistiedna speċjali fil-Festa ta’ San Mauro, Viagrande, Sqallija, bejn it-13 u s-16 ta’ Jannar 2018, fil-waqt li l’Associazione Culturale Bandistica Synphonica Citta` di Viagrande kienet il-mistiedna speċjali għall-Festa ta’ San Lawrenz 2018
, bejn is-7 u l-10 t’Awwissu.
Waqt iż-żjara tagħha f’Malta, l’ Associazione Culturale Musicale Bandistica Synphonica Citta` di Viagrande daqqet 3 darbiet fil-festa ta’ San Lawrenz. Fil-fatt, il-kontinġent wasal Malta kmieni nhar is-7 t’Awwissu 2018, u ftit wara rħielha għall-viżita fir-Rabat u l-Imdina. Mbgħad filgħaxija, il-Banda ta’ Viagrande fetħet l-impenji tagħha fil-Festa ta’ San Lawrenz permezz ta’ marċ qasir flimkien mal-Banda Vittoriosana San Lawrenz tul triq il-Mina il-Kbira, qabel il-Programm Mużikali Vittoriosa in Festa. Il-kontinġent kien mistieden għall-bibita żgħira fil-każin u wara assista għal dan il-Programm Mużikali fejn saru preżentazzjonijiet reċiproċi bejn il-baned.
Nhar it-8 t’Awwissu 2018, il-kontinġent minn Sqallija rħielha lejn il-kapitali Maltija fejn wara żjara tal-Belt Valletta, filgħaxija għal darb’oħra kien imiss sehem ieħor fil-Festa ta’ San Lawrenz din id-darba b’marċ u programm. Fil-fatt, l’Associazione Musicale Culturale Bandistica Synphonica Citta` di Viagrande bdiet b’marċ tul Triq il-Mina l-Kbira u wara esegwiet programm mużikali fuq il-planċier tas-Soċjeta`, fejn anke daqqet l-Innu ta’ San Lawrenz mal-wasal ta’ San Lawrenz jagħti d-dawl lill-Għomja fil-Pjazza.
L-għada, nhar id-9 t’Awwissu 2018, il-kontinġent kien mistieden għall-marċ ta’ filgħodu tal-Festa ta’ San Lawrenz fost il-birju tal-partitarji Palmiżi, biex mbgħad flgħaxija, din il-Banda esegwiet għal darb’ oħra programm Mużikali mill-aqwa f’Sally Port waqt La Notte di San Lorenzo, u wara għamlet marċ tul il-Waterfront tal-Belt Vittoriosa. Din iż-żjara ta’ suċċess ġiet fi tmiemha nhar il-Ġimgħa 10 t’Awwissu 2018.
L’Associazione Culturale Musicale Bandistica Synphonica Citta` di Viagrande
Dan il-korp mużikali ġewwa Viagrande hu kontinwazzjoni ta’ tradizzjoni antika ftit sekli mhux ħazin, tant li hemm dokumentat li l-oriġini tal-banda preżenti imorru lura għall-1800. Barra minn hekk, dokumentazzjoni dwar il-banda ta’ Viagrande tmur lura sal-1848, is-sena ta’ ħafna rivoluzzjonijiet ġewwa l-Italja.
Il-popolarita` ta’ din il-banda takkumpanjaha fi Sqallija kollha u anke fl-Italja permezz ta’ daqq u kunċerti fl-iktar bliet importanti tar-reġjun ta’ Sqallija u anke fil-Calabria. Fis-snin li għaddew, din il-Banda ta’ Viagrande kienet popolari mmens għall-preżenza u s-sehem tagħha fil-festi tal-patrun ta’ ħafna mill-irħula tal-madwar, b’mod speċjali għal dik fir-raħal ta’ Sant’ Alfio, meta kienu jivvjaġġaw permezz ta’ karrettuni u karrozelli u li kienet ikkunsidrata bħala ferm ‘il bogħod.
Fis-snin 1978, 1979 u 1980, l’ Associazione Culturale Musicale Bandistica Synphonica Citta` di Viagrande ħadet sehem fil-“Festival delle Bande Musicali”, li kien organizzat mill-ħanut Pro-Loco ta’ Viagrande stess, fejn fih il-Banda dejjem rċeviet kritika u kunsens pożittiv ferm mill-pubbliku.
Taħt it-tmexxija ta’ Mro V. Aprile, il-banda ta’ Viagrande kienet l-ewwel banda miż-żona tal-Etna li għamlet programmi mużikali bil-parteċipazzjoni tal-“Cantanti Lirici”. Din l-inizjattiva kellha tifħir kbir mill-pubbliku u qajmet interess enormi, tant li l-pubbliku attenda b’udjenza enormi. Fis-sena 2011, fuq inizjattiva u interess tal-kunsillier tal-komun Antonino Billone, il-banda ta’ Viagrande ġiet rikonoxxuta mill-Ministeru tal-Kultura bħala grupp mużikali li jaħdem għall-ġid tal-komunita`.
Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz ġewwa Viagrande
Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz żaret Viagrande, Sqallija bejn it-13 u s-16 ta’ Jannar 2018, bħala parti mill-iskambju mużikali tas-sena 2018 mal-Associazione Culturale Musicale Bandistica Synphonica Citta` di Viagrande. Il-Kontinġent bejn Bandisti, membri tal-Kumitat u akkumpanjaturi kien jgħodd mal-54 ruħ. Dan il-grupp telaq lejn Catania kmieni filgħodu s-Sibt 13 ta’ Jannar u wasal fil-lukanda ġewwa Acitrezza għall-ħabta ta’ nofsinhar, peress li kif wasal, il-kontinġent Malti ttieħed għall-viżta mill-isbaħ fuq il-vulkan popolari l-Etna. Filgħaxija l-kontinġent Vittorjożan assista għall-mixgħela mill-isbaħ u nar u dwal sinkronizzati mal-mużika ġewwa Viagrande għall-Festa ta’ San Mauro wara żjara f’Catania.
L-għada, il-Ħadd 14 ta’ Jannar, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz flimkien mal-partitarji tat l-ewwel sehem tagħha fil-Festa ta’ San Mauro permezz ta’ żewġ servizzi, fejn l-ewwel għamlet marċ brijuż kmieni wara nofisinhar, u iktar tard akkumpanjat il-purċissjoni bir-relikwija tal-qaddis. Kienu żewġ servizzi mill-Banda Vittoriosana San Lawrenz li għamlu unur lil Beltna u pajjiżna.
Mbgħad it-Tnejn 15 ta’ Jannar, is-servizzi tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz laħqu l-qofol tagħhom hekk kif f’nhar il-Festa ta’ San Mauro, il-banda bdiet marċ kmieni filgħodu fejn wasslet lis-Sindku ta’ Viagrande lejn il-Knisja għall-ponitifkal tal-Festa. Wara dan, għall-ħabta ta’ nofsinhar, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz esegwiet Programm Mużikali taħt id-direzzjoni ta’ Mro Jonathan Abela fil-pjazza ewlenija ta’ Viagrande, bil-mużika tkun kif ġej:
Mexicali Brass | J. Cacavas |
Alba d’Amore | G. Giumarra |
Radetsky March | J. Strauss |
Concerto D’Amore | J. De Haan |
Luglio | Arr. A. Calleja |
The Last Waltz | Arr. C. Pisani |
You’ll be in My Heart | Arr. J. Van Kraeydonck |
Dan il-programm ġie milqugħ tajjeb ħafna minn dawk preżenti. Ta’ min isemmi wkoll il-preżetazzjonijiet Wara, li spiċċa dan il-kunċert, Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz akkumpanjat lill-istatwa ta’ San Mauro fil-ħruġ trijonfali tagħha mill-Knisja sal-ewwel waqtiet tal-purċissjoni, biex b’hekk intemmu l-impenju mużikali b’suċċess mill-aqwa.
It-Tlieta 16 ta’ Jannar 2018, il-kontinġent żar il-Belt pittoreska ta’ Taormina fil-waqt li filgħaxija rritorna lura lejn il-pajjiż sodisfatt għall-aħħar bis-suċessi miksuba.