Stqarrija mis-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz – Restawr tal-Faċċata

Soċjeta` Mużikali San Lawrenz, Belt Vittoriosa Wara snin ta’ ħidma li tmur lura għas-sena 1994, kif anki kontu nfurmati matul din is-sena, il-permessi sabiex jinbeda x-xogħol fuq ir-restawr tal-faċċata ħarġu. Mhux talli hekk talli nhar il-Erbgħa 3 ta’ Lulju nbeda l-armar tal-iscaffolding mid-Direttorat tar-Restawr.
Minkejja li kemm il-Kumitat tas-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz kif ukoll il-Kumitat Festi Esterni San Lawrenz qablu li jsir l-armar tal-iscaffolding, filwaqt li kien ser isir spustar ta’ antanjola waħda biss, il-ħaddiema ġew ordnati sabiex jieqfu mill-armar.
Wara diversi nterventi filgħaxija stess, rappreżentant tal-Kumitat kellu laqgħa mal-Ministru responsabbli s-Sur Joe Mizzi li ta l-garanzija li wara l-Festa jibda x-xogħol immedjatament. Filwaqt li napprezzaw ħafna d-disponibbilta` u l-għajnuna li sibna mingħand il-Ministru Mizzi, ma nistgħux ma’ nħossunix diżappuntati b’dak li ġara l-aktar peress li l-faċċata tal-Każin mhux possibbli li issa tkun armata bħas-soltu għall-Festa.
Hawn wieħed jasal għal serje ta’ mistoqsijiet. Sabiex il-Ministru wasal għal din id-deċiżjoni, tgħid kien hemm xi rapport bħalma kien hemm għal darba tnejn tlieta waqt il-proġett tal-bar? Tgħid hemm min dan il-proġett li l-Gvern Ċentrali ser ikun qed jagħmel fuq il-faċċata majestuża tal-Palazz tagħna qed idejqu? Tgħid hemm min għandu xi aġenda personali fejn ħalef li ma jridx iħallina bi kwietna u pprova jdeffes denbu għal darb ‘oħra? Ir-risposti nħalluhom f’idejkom.
Bħalma kien il-każ tal-proġett tal-Bar anki f’dan il-proġett il-Kumitat huwa determinat li jsir. U fejn kien hemm ir-rieda u d-determinazzjoni dejjem wasalna. Minkejja l-ostakoli u l-gambetti li jsiru.
Grazzi mill-qalb lil min flok jgħin bi dmir lis-Soċjeta` volontarja qiegħed jagħmel minn kollox biex ifixkel u jxekkel kull inizjattiva. Dan it-tip ta’ tfixkil ikompli jinkoraġġina aktar bħalma ġara fil-proġett tal-Bar li intom illum tistgħu tapprezzaw u tgawdu.
Mhux l-istess nistgħu ngħidu għall-faċċata armata bid-dawl għall-ġranet tal-festa, li din is-sena ġiet imċaħħda lilek minn dawk li jgħidu li jħobbu l-Birgu. Biex nagħmlu l-Birgu l-aħjar irridu naħdmu id f’id.