Suċċess għall-Banda Vittoriosana San Lawrenz fi Sqallija

Għall-ħames darba fl-istorja tagħha l-Banda Vittoriosana San Lawrenz kienet l-ambaxxatriċi ta’ Beltna u ta’ pajjiżna hekk kif bejn is-Sibt 13 u t-Tlieta 16 ta’ Jannar, 2018 ħadet sehem fil-Festa ta’ San Mauro fil-lokalita ta’ Viagrande, Sqallija. Il-Banda bdiet din is-sena li fiha qed tfakkar il-135 Sena mit-twaqqif tagħha bil-kbir b’suċċess barra minn xtutna.
Nhar is-Sibt 13 ta’ Jannar l-ewwel ġurnata tal-mawra tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz fi Sqallija bdiet billi kmieni filgħodu l-grupp mar fuq l-Etna u gawda l-panorami sbieħ li toffri din il-muntanja li kienet miksija bis-silġ. Wara l-pranzu kien hemm mawra fiċ-ċentru ta’ Catania filwaqt li filgħaxija l-grupp mar f’Viagrande sabiex kien preżenti għall-mixgħela tad-dawl sinkronizzat man-nar.

Il-Ħadd 14 ta’ Jannar il-Banda Vittoriosana San Lawrenz ipparteċipat f’lejliet il-Festa ta’ San Mauro ġewwa Viagrande, b’marċ kmieni wara nofsinhar, u aktar tard akkumpanjat il-purċissjoni bir-relikwija tal-qaddis. Żewġ servizzi mill-Banda Vittoriosana San Lawrenz li għamlu unur lil Beltna u lil pajjiżna.

It-Tnejn 15 ta’ Jannar il-Banda Vittoriosana San Lawrenz għamlet marċ kmieni filgħodu fejn wasslet lis-Sindku ta’ Viagrande lejn il-Knisja għall-pontifikal tal-festa. F’nofsinhar, il-Banda tal-Birgu taħt id-direzzjoni tas-Surmast Jonathan Abela esegwiet programm mużikali fil-pjazza ewlenija ta’ din il-Belt, u wara daqqet fil-ħrug trijonfali tal-istatwa ta’ San Mauro mill-Knisja.

It-Tlieta 16 ta’ Jannar wara li l-grupp ittieħed fil-Belt storika ta’ Taormina wara nofs in-nhar kien il-ħin li nżuru ċ-ċentru kummerċjali ta’ Porte di Catania fejn tard filgħaxija qbadna t-titjira li waslitna lura Malta.
Grazzi kbira tmur lis-Surmast, bandisti, akkumpanjaturi u fuq kollox l-organizzaturi fejn għexna erbat’ijiem bħala familja waħda. Kellna biss skop wieħed dak li nkomplu ngħollu isem il-Banda Vittoriosana San Lawrenz li mhux biss hija l-Banda tal-Birgu imma waħda mill-ewlenin ta’pajjiżna.