Suċċess kbir fil-mawra tal-Banda San Lawrenz ġewwa l-Belġju

Kmieni il-Ħadd 19 ta’ Diċembru, għall-ħabta tan-12.30 am, il-Banda San Lawrenz flimkien mal-kontinġent li akkumpanjha waslet lura Malta mill-mawra ġewwa l-Belġju. Din il-mawra tal-banda, li kienet parti mill-iskambju mużikali u kulturali li ġie organizzat mal-Philharmonie Royale Concordia minn Ottignies, il-Belġju, kienet suċċess kbir minn kull lat. Il-Banda San Lawrenz esegwiet 3 programmi Mużikali. L-ewwel programm kien ġewwa l-knisja kolleġġjata ta’ Nivelles il-Ħadd 12 ta’ Novembru. Kien programm sabiħ f’atmosfera mill-isbaħ fejn il-Banda San Lawrenz intlaqgħet minn tifħir kbir. Il-Philharmonie Royale Concordia ħadet ukoll sehem f’dan il-programm.
L-Erbgħa 15 ta’ Novembru il-Banda għamlet programm ieħor. Dan kien fil-Grand Place ta’ Louvain-La-Neuve, fejn f’kesħa kbira, il-Banda San Lawrenz esegwiet Programm Mużikali li ġibed l-attenzjoni ta’ dawk kollha li kienu qed iduru fil-Christmas Market tal-lokal.
Pero` żgur li l-ġurnata tal-ġimgħa 17 ta’ Diċembru ser tibqa’ tissemma’ fl-istorja tas-Soċjeta` tagħna. Dan għaliex f’din il-ġurnata, il-Banda San Lawrenz saret propju l-ewwel banda li daqqet ġewwa Dar Malta fi Brussell. F’dan il-programm, li kien organizzat flimkien mal-Ambaxxatur Malta għall-Unjoni Ewropea l-E.T. Richard Cachia Caruana u l-Ambaxxatur Malti għar-Renju tal-Belġju l-E.T. Pierre Clive Agius, il-Banda San Lawrenz esegwiet Programm Mużikali mill-aqwa li ntlaqa’ tajjeb ħafna mill-Komunita` Maltija ġewwa l-Belġju li kienet preżenti bi ħġarha f’dan il-Kunċert. Il-Philharmonie Royale Concordia ħadet sehem ukoll flimkien mal-Band aSan Lawrenz f’din il-ġurnata memorabbli.