Titħabbar il-mewt ta’ Dun Ġużepp Caruana

DG

Tħabbret il-mewt tal-Kanonku Dun Ġużepp Caruana li ħalla din id-dinja fl-eta’ ta’ 83 sena. Dun Ġużepp kien qassis dejjem viċin il-marid u il-batut. Huwa twieled il-Birgu fil-21 ta’ Jannar 1933 mis-Sur Mikiel Caruana u s-Sinjura Marija Karmela Galea.

Sa minn meta kien żghir kien imur jitgħallem għand tal-M.U.S.E.U.M. Is-Socjeta’ tad-Dottrina Nisranija, għalqa għammiela ta’ tant vokazzjoniet ta’ saċerdoti f’Malta. Baqa’ f’din is-Soċjeta’ ukoll meta kiber u sar Soċju. Studja fis-Seminarju u fl-Universita’ Rjali ta’ Malta mnejn kiseb il-Liċenzjat fit-Teologija. L-Arcisqof Mons. M. Gonzi ordnah saċerdot fl-14 ta’ Marzu 1959. Sa minn meta qaddes beda jgħin lill-Arċipriet tal-Birgu fil-ħidma pastorali f’din il-Parroċċa. Għal bosta snin kien jieħu ħsieb iż-żewg sezzjonijiet — Xebbiet u Guvintur — taz-zagħzagħ ħaddiema Nsara. Kien għadu sal-lum Assistent Ekklesjastiku taċ-Ċirkolu tan-Nisa tal-Azzjoni Kattolika u Direttur tal-Abbatini tal-Parroċċa. Fit-12 ta’ Dicembru 1959 inħatar Viċi-Parroku u f’dan il-qasam il-morda u l-imnikktin tal-Paroċċa jistgħu jgħidu b’liema paċenzja u mogħdrija Dun Ġuzepp kien jieħu ħsiebhom. Fit-2 t’ Awwissu 1964 ħa l-pussess ta’ Kanonku tal-Kolleġġjata tal-Birgu u fl-20 ta’ Ġunju 1965 irċieva n-nomina ta’ Kanonku Teologu ta’ l-istess Kolleġġjata.

Il-funeral ser isir għada t-Tnejn 1 ta’ Frar, 2016 fejn fit-3.30pm ser jibda korteo funebru minn Triq Pawlu Boffa u li jgħaddi minn Triq il-Mina l-Kbira, Pjazza tal-Belt Vittoriosa, Triq Nestu Laiviera sal-Parroċċa fejn fl-4pm tibda l-quddiesa. Hekk kif is-salma tasal quddiem ‘Palazzo Huesca’, sede tas-Soċjeta’ Mużikali San Lawrenz ser tingħata tislima permezz ta’ fanfarra.

Il-President, Kumitat, Bandisti u Membri tas-Soċjeta’ Mużikali San Lawrenz jagħtu l-kondoljanzi lill-familja Caruana.