Wirjiet ta’ pitturi u mudelli fil-Palazz tas-Soċjeta’ matul il-‘BirguFest’

POSTER BIRGU Bejn il-Ġimgħa 10 u l-Ħadd 12 t’Ottubru, 2014 il-Belt Vittoriosa għal darb’oħra ser tkun qed torganizza l-‘BirguFest’. Bħalma jsir ta’ kull sena s-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz ser ikollha sehem attiv matul dawn il-ġranet li fihom il-Birgu jilqa’ eluf ta’ Maltin u turisti fi ħdanu sabiex jammiraw il-ġmiel ta’ din il-Belt Marittima. Il-bibien tal-Palazz tas-Soċjeta` li jinsab fil-qalba tal-Pjazza tal-Belt Vittoriosa ser ikunu miftuħin għall-pubbliku fejn minbarra li wieħed jista’ jammira d-diversi swali li jiffurmaw dan il-Palazz uniku jistgħu wkoll jaraw diversi esebizzjonijiet li ser ikun hemm. Fil-fatt il-ġmiel tas-Sala tal-Arkivju kif ukoll tas-Sala Prinċipali ser ikunu miftuħin għall-pubbliku. Minbarra dan fis-Sala tal-Kunċerti ser ikun hemm wirja ta’pitturi xogħol Frank Ancilleri, Raymond Domnic Agius u Marika Borg. Il-‘Collective Art Exhibition’ ser tkun miftuħa l-Ġimgħa u s-Sibt mis-7 ta’ filgħaxija l-quddiem. F’Sala oħra f’dan il-Palazz ser ikun hemm esebizzjoni ta’ mudelli ta’ dgħajjes u tradizzjonijiet Maltin bl-esebituri jkunu Charles Brincat, John Pisani u l-Familja Ciantar. Ta’ min jinnota wkoll li matul il-ġranet tal-BirguFest ikun hemm diversi stands bl-ikel u xorb fejn il-Kumitat tas-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz ser ikollu l-istands tiegħu armati quddiem il-Każin b’ikel tradizzjonali Malti.