Stqarrija għall-istampa mis-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz – L-Overture ‘President’s Jubilee’

Is-Soċjeta` Mużikali Banda Sant’ Andrija riċentament tellgħet Programm Mużikali bħala parti mill-Festa Liturġika tal-Appostlu Sant’Andrija.Waħda mis-siltiet li ndaqqet kienet il-Classic Overture ‘Jubilee’ li skont in-noti fil-Programm ta’ tifkira kif ukoll il-kummenti tal-preżentatur din iżżanżnet għal dik l-okkażjoni u nkitbet speċifikament fl-okkażjoni tal-130 sena tal-Banda Sant’Andrija.Is-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz tixtieq tiġbed l-attenzjoni li dak li nkiteb u ntqal huwa kompletament żbaljat. Dan għaliex il-propju isem tal-Classic Overture huwa ‘President’s Jubilee’ li ndaqqet għall-ewwel darba mil-Banda Vittoriosana San Lawrenz nhar it-2 t’Awwissu, 2012 fl-okkażjoni tal-25 Sena Presidenza tas-Sur Lawrence V. Farrugia. Din is-silta Mużikali nkitbet mis-Surmast Paul Schembri, li huwa s-Surmast taż-żewġ Soċjetajiet Mużikali msemmija u kienet ir-rigal tal-istess Surmast lill-President tas-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz għal din l-okkażjoni.

Għaldaqstant, is-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz tħoss li għandu jiġi ċċarat dan il-fatt, mingħajr ma’ ħadd iktar ma jipprova jinganna l-fatti hekk kif ġraw, għaliex ħadd ma jista’ jmerihom.