Kummissjoni Billiard

Membri jilgħabu fis-Sala tal-BilliardIs-sala tal-Billiards, kif inhi magħrufa, minn dejjem kienet tiġbed ammont kbir ta’ nies. Filfatt, anke minn snin ilu, fost iż-żgħażagħ li kienu jiffrekwentaw din is-sala kien hemm min spikka aktar minn oħrajn, għax waslu biex iddistingwew ruħhom anki f’kompetizzjonijiet nazzjonali. Eżempju tipiku kien dak ta’ Gejtu Galea li, fis-16 ta’ Novembru 1962 rebaħ il-finali tal-kompetizzjoni nazzjonali tal-Billiards għal-żgħażagħ taħt it-18-il sena. Aktar tard, f’Novembru tal-1975, spiċċa finalista fil-kompetizzjoni nazzjonali tat-Tieni Diviżjoni u, ħames snin wara, fil-15 ta’ Novembru 1980, rebaħ il-kampjonat ta’ din id-Diviżjoni. F’din is-Sala, l-interess f’din il-logħba baqa’ konsistenti. Ftit snin wara, Brian Cauchi kien spiċċa r-rebbieħ ta’ kompetizzjoni għall-każini organizzata fil-Qrendi.

Wara li din is-sala kellha tiġi restawrata, ġiet inawgurata f’jiem il-kommemorazzjonijiet li kienu qed isiru f’Awwissu tal-1983, biex ifakkru għeluq il-Mitt Sena mit-twaqqif tas-Soċjeta` u l-Banda tagħha. Is-Sala tal-Billiards ġiet inawgurata bil-finali ta’ kompetizzjoni tas-Snooker li kienet bdiet ftit ġimgħat qabel. Għall- okkażjoni, il-mejda kienet ġiet illustrata u nbidel il-pannu u nxtraw stikek u bilji ġodda.

Dan it-tiġdid ħajjar għadd ġmielu ta’ żgħażagħ jersqu aktar lejn din is-sala. Din il-konkorrenza ma damitx ma bdiet tħalli riżultati nkoraġġanti. Tul is-snin, l-interess f’dan l-isport kompla joktor tant li fl-1991 żdiedet mejda oħra. Wara li sar restawr fil-mejda l-antika, saret l-inawgurazzjoni tagħhom it-tnejn, f’Settembru ta’ dik is-sena, b’logħba ta’ esibizzjoni bejn Pawlu Mifsud, rebbieħ tal-Kampjonat Dinji tal-Billiards u l-player prominenti f’din il-logħba, Victor Ellul.
L-interess kompla jiżdied u kemm Lawrence Scicluna, Direttur tas-Sala, u kemm Lawrence Farrugia, id-Direttur li sar warajh, u li ġew wara, mgħejjuna minn membri oħra, bdew jorganizzaw kompetizzjonijiet, li l-konkorrenza għalihom kienet u għadha tkun numeruża. Fost l-aktar li ġibdu kompetituri kienu l-Kompetizzjoni taċ-Ċentinarju li saret f’Diċembru tal-1990, li ntrebħet minn Paul Schembri u dik li nżammet erba’ xhur wara, li għaliha daħlu 31 kompetitur. Il-finali kienet ġiet kontestata bejn Joe Farrugia u Walter Attard, b’dan ta’ l-aħħar jispiċċa r-rebbieħ. Din kienet qanqlet ċertu nteress tant li rapporti dwarha u ritratt tal-finalisti kienu dehru fil-ġurnali In-Nazzjon tal-10 ta’ April 1991 u f’The Times ta’ għaxart ijiem wara.

Ma kienx l-ewwel darba li din is-sala tintuża wkoll għal skopijiet ta’ benefiċjenza. Fost dawn hemm il-Maratoni tal-Billiards li saru f’dawn l-aħħar snin b’risq l-Eden Foundation f’Ottubru 2000, li ngħatat prominenza f’wieħed mill-ġurnali. F’Diċembru 2001 saret oħra b’risq id-Dar tal-Providenza u oħra fi Frar 2003 b’risq il-Hospace Movement. Id-dħul kien inkoraġġanti u s-Sur Lawrence Farrugia, id-Direttur tas-Sala u organizzatur ta’ dawn il-maratoni, żgur li ħareġ sodisfatt bit-tweġiba li sab mid-dilettanti ta’ dan il-logħob.

iż-Żewġ imwejjed tal-Billiard

Din is-sala, probabbilment l-aktar waħda mfittxija fil-każin, biex tinżamm jew tinġieb f’qagħda li tiġbdek, fl-1998 sar xogħol estensiv fil-ħitan billi nbidel numru ta’ ġebel li beda jitmermer, ġew restawrati l-imwejjed u l-mobbilja eżistenti u żieda ta’ oħrajn ġodda, biex kif ingħad, ġiet attrezzata b’kollox u b’kull ma tinħtieġ din il-logħba popolari.

Il-Kummissjoni Billiard għadha torganizza l-kompetizzjonijiet b’mod regolari, ewlenin fosthom fis-snin riċenti dawk organizzati bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ għeluq il-125 sena banda, kif ukoll one day Tournament li sar nhar il-31 ta’ Marzu 2009. L-għan ta’ din il-kummissjoni hu li filwaqt tressaq iktar żgħażagħ lejn il-kazin, toffri passatemp tajjeb għal dawk li jiffrekwentaw il-każin. Dan tagħmlu l-iktar billi tinvesti il-qliegħ li jsir mill-kompetizzjonijiet fil-bżonnijiet tas-sala stess.

Fis-sena 2010, il-mejda prinċipali tas-Snooker kellha bżonn li jsirilha xi tiswijiet u manutenzjoni u jitwaħħal Pannu ġdid u Matunelli . Dil-mejda reġgħet infetħet nhar il-Ġimgħa 15 t’Ottubru. Għal din l-okkażjoni, il-Kummissjoni Billiard għoġobha tistieden lill-Alex Borg u Duncan Bezzina għal-logħba ta’ esebizzjoni bħala parti minn attivita` żgħira ta’ dan il-ftuħ mill-ġdid. Quddiem l-attendenza ta’ wħud mill-membri u dilettanti ta’ din il-logħba u li jiffrekwentaw din is-sala b’mod regolari, Alex Borg u Duncan Bezzina taw wirja ta’ logħob verament sabieħa. L-attivita` għalqet b’diskors qasir tal-President, filwaqt li saru xi preżentazzjonijiet u wara kien hemm bibita żgħira.

Maratona tas-Snooker

F’Ottubru tal-2011, din il-Kummissjoni organizzat Maratona ta’ Snooker mill-Ġimgħa 28 sal-Ħadd 30 t’Ottubru. Din il-maratona ta’ madwar 50 siegħa ġiet organizzata b’risq il-Proġett ta’ Restawr tal-irħam tal-Knisja Kolleġġjata u Konventwali ta’ San Lawrenz. Dan il-proġett kien wieħed ambizzjuż u bħala ċittadini tal-Birgu, kif ukoll bħala wlied din il-knisja u l-patrun tagħha San Lawrenz, ħassejna li nistgħu nkunu ta’ għajnuna permezz ta’ din il-Maratona. Bil-parteċipazzjoni ta’ numru sabiħ ta’ membri, din il-maratona bgħatet messaġġ pożittiv lill-poplu Vittorjożan sabiex dan il-proġett isir bis-sehem tal-komunita` kollha Vittorjożana. Fi tmiem din il-Maratona, il-President tas-Soċjeta` is-Sur Lawrence V. Farrugia ppreżenta ċekk lill-Arċipriet tal-Parroċċa fejn dan irringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem biex din il-maratona kienet suċċess.

Waqt il-ftuħ uffiċjali

Wara x-xogħlijiet li kienu saru fl-2010, l-imwejjed tal-Billiard reġa’ kellhom bżonn manutenzjoni fil-bidu tas-sena 2014. B’restawr professjonali, kif  ukoll twaħħil ta’ pannu ġdid fuq iż-żewġ imwejjed, din is-Sala reġgħet infetħet mill-ġdid nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Frar, 2014. Għal din l-okkażjoni saret logħba ta’ esebizzjoni bejn Duncan Bezzina u Aaron Busuttil. Għal dan il-ftuħ kien hemm attendenza tajba, fejn kien il-President Onorarju Joseph Scicluna li ta l-ewwel kolp wara li s-Sur Scicluna stess rregala l-pannu lis-Soċjeta’. It-tberik sar mill-Arċipriet u Kappillan tas-Soċjeta’ Dun Joe Cilia. Wara l-ftuħ sar riċeviment filwaqt li Bezzina u Busuttil ingħataw tifkira tal-okkażjoni.

Il-Mejda tal-Membri Restawrata

Minn Ottubru tal-2015, il-Kummissjoni Billiard ma waqfitx taħdem u tistinka biex torganizza l-attivitajiet u tiġbor il-fondi għall-proġetti li jistgħu jinqalgħu minn żmien għall-ieħor. Mill-bidu bdejna naħsbu biex nagħmlu l-proġett ta’ rinovazzjoni tas-sala u mill-ewwel rajna li kienet ser tinvolvi ħafna flus. B’hekk il-Kummissjoni għamlet Maratona ta’ 48 siegħa snooker għal żmien il-Milied fejn infetħet mill-Onorevoli Ministru Joe Mizzi. Minn din il-Maratona inġabret somma sabiħa fejn tat kuraġġ lil-Kummissjoni biex tipproċedi bil-proġett. Il-Proġett tas-sala kien jinvolvi: Sett mattunelli tal-injam ġodda u lostru tagħhom għall-mejda tal-membri; il-mattunelli l-antiki tal-membri ġew xkatlati u mgħotija l-lostru biex jintużaw fuq il-mejda ta’ ġewwa; pannu ġdid għaż-żewġ imwejjed; serratura ġdida għall-armarju t’isfel biex il-players ikollhom fejn isakkru l-istikek; scoreboard u frame tal-injam għaliha ġodda; 4 xkafef ġodda biex jintużaw għall-kaxxi tal-istikek waqt li l-players ikunu qegħdin jilgħabu; xkaffa tal-ħġieġ ġdida taħt l-iscoreboard ta’ ġewwa; polishing tas-saqajn tal-imwejjed u tal-iscoreboard l-antika tal-injam; bozoz ġodda għas-sala; u invellar tal-mejda ta’ ġewwa.

Fl-aħħar u mhux l-inqas, kien hemm donazzjoni mingħand Mark Zammit biex il-każin itaffi ftit mill-ispejjeż u donazzjoni mingħand Lawrence Gonzi ta’ sett boċċi ġodda tal-isnooker. Barra minnhekk, kien hemm ukoll il-ħinijiet twal ta’ tindif u manutenzjoni mill-membri tal-kummissjoni u anke ix-xogħol volontarju fuq il-lostru li sar minn Oscar Adami, John Attard u Lawrence Gonzi. Fis-sajf tal-2016 hsar ukoll restawr tal-bankijiet biex b’hekk ingħalaq l-proġett tas-sala. Il-ftuħ mill-ġdid tas-sala sar permezz ta’ exhibition match bejn il-membri tal-Kummissjoni Chris Pisani, John Attard, Lawrence Gonzi u Mark Zammit u sar tberik mill-Arċipriet.