Tul iż-żmien kemm ilha wieqfa s-Soċjeta’ tal-Palma, il-kumitati ta’ tmexxija kienu ħerqana li jiksbu dar li tkun xierqa u komda għall-ħtiġijiet taż-żmien. Dan kien jiddependi minn diversi fatturi, bħal ma hi l-qagħda finanzjarja jew inkella jekk id-dar kinetx taqdi l-ħtiġijiet tal-banda u ta’ l-għadd ta’ soċji li kienu mseħbin.
L-ewwel dar li kellha s-Soċjeta` wara li twaqqfet mill-ġdid bl-isem ta’ L’Unione kienet f’dar f’Nru.62 Strada Porta Maggiore. Aktarx li baqgħet f’din id-dar sal-1888, għax meta l-Banda ssaħħet wara żmien ta’ tiġdid, insibuha f’dar li kienet iġġib in-numru 9 Strada Piazzetta. Hawn baqgħet biss sena jew tnejn, għax il-każin deher li kien iċċaqlaq għad-dar bin-numru 3, Strada Dietro l’ Quartiere. Baqgħet hawn sal-1898 għax fl-1899 kient marret f’dar ikbar, Nru. 7, Pjazza Vittoriosa. Hawn għamlet erba’ snin, għax fl-1903 ġie reġistrat li marret fi Strada Desain Nru 11.
Fl-1911 inkriet id-dar Numru 40 Strada Brittanica, li magħha kellha wkoll mezzanin. Bil-kobor ta’ din id-dar u l-kumdita` li kien hemm fiha, sar possibbli li, fl-1912, is-Societa` Mandolinistica Malta tħalli l-Casino San Lorenzo u tingħaqad taħt saqaf wieħed mal-Banda Duke of Edinburgh.
Jinxtara l-Każin tal-lum
Mill-isbaħ fil-pjazza u ftit wara nxtara dan il-post, il-każin tal-lum. Dan il-palazz, mibni fl-1883, minbarra s-swali spazjużi, tolqot il-għajn il-faċċata majestuża tiegħu. Il-kuntratt tax-xiri kien sar għand in-Nutar Cauchi ta’ Bormla, fid-19 ta’ Lulju 1922. Kien inxtara mingħand il-werrieta ta’ Michele Soler għas-somma ta’ LM1500, li dik il-ħabta kienet somma konsiderevoli.
Il-firmatarji għas-Soċjeta`kienu il-Kaxxier, l-Assistent Kaxxier, l-Assistent Segretarju u l-bandist inkarigat mis-sala tal-kunċerti. Dawn kienu għamlu dan bis-setgħa mog]tija lilhom f’Seduta Ġenerali li saret mis-Soċji Propjetarji fid-29 ta’ Gunju tal-istess sena. Il-mod ta’ ħlas kellu jkun billi s-somma ta’ LM1000 titħallas mill-fondi tal-Każin, u l-LM500 l-oħra kellhom jissellfuhom, mingħand Giovanni Spiteri, neguzjant mill-Birgu.
Kien sogru għas-Soċjeta` li tidħol għal dak il-piż meta s-sitwazzjoni ekonomika f’Malta ma kinitx kif wieħed jixtieq. Kienu għamlu tajjeb għal din in-nefqa xi soċji li waqqfu bejniethom dik li sejħu Societa` d’Aiuto. Dawk li ssieħbu, fost kundizzjonijiet oħra, taw garanzija bil-miktub li jikkontribwixxu xelin fil-ġimgħa għal żmien 4 snin, biex jekk il-Każin, wara l-4 snin li fihom intrabat li jrodd lura d-dejn mas-Sur Spiteri, ma jkunx f’qagħda li jagħmel dan, jintużaw il-fondi miġbura minnhom billi jisilfuhom lill-każin mingħajr imgħax.
Ma setax ikun li l-każin ma’ jiġix bżonn l-għajnuna tas-Societa` d’Aiuto. Minbarra l-prezz għoli li tħallas għax-xiri, saru spejjeż oħra għat-tibdil strutturali li kien hemm bżonn biex il-post jinġieb kompatibbli mal-ħtiġijiet tal-friegħi kollha tas-Soċjeta`; il-Banda, l-orkestra tal-mandolini, il-kumpannija drammatika Alfieri u magħhom il-kumdita` tas-soċi. Il-każin, bid-dehra ġdida tiegħu, ġie nawgurat fil-festa ta’ San Lawrenz tal-1923. Kien hemm il-ħtieġa wkoll li l-każin il-ġdid ikun mobbiljat. Sal-1925 kienu ġa saru l-vetrini tas-sala ta’ fuq, il-ġardiniera u l-vetrina tal-arkivju. Ammiraturi tal-Banda rregalaw ċentru għal nofs is-sala prinċipali. Dawn kollha għadhom fis-swali tal-każin, wara li ġew restawrati minn Giovann Pisani.Minkejja l-prezz li kellu jitħallas u l-ispejjeż li saru għall-mobbilja, sal-1926, id-dejn kien tħallas kollu. Tant hu hekk li nsibu li l-kumitat kien radd lura lis-Societa` d’Aiuto l-aħħar pagament ta’ LM50 tas-somma ta’ LM400 li kienu sselfu fl-1922.
Wara l-Gwerra sal-lum – Tiswija, Manutenzjoni u Tisbieħ
Kif kien riesaq tmiem il-gwerra, dawk il-Vittoriosani li darhom baqgħet sħiħa, bdew ġejjin lura lejn belthom u l-każin reħa’ beda jkun iffrekwentat mill-ġdid. Biex seta’ jseħħ dan, mertu mhux żgħir kellu David Vella, il-kaxxier, li kien silef lis-Soċjeta` LM76 biex saru xi tiswijiet kawżati mill-gwerra u l-manutenzjonijiet meħtieġa wara telqa t’ aktar minn sentejn.
Fl-1969 tqanqlet xewqa biex il-każin jissebbaħ bl-aktar mod possibbli. F’Laqgħa tal-Kumitat li saret fis-16 ta’ Marzu ta’ dik is-sena, xi membri żvelaw li kien hemm diversi soċi u ammiraturi li xtaqu li l-ewwel indana tat-taraġ tinkesa bl-irħam. Dawn kienu lesti li jikkontribwixxu individwalment il-prezz li tiswa l-kisja ta’ tarġa. Il-Kumitat approva din il-proposta u nħatret kummissjoni għal dan il-għan. Din ħadmet qatiegħ, għax wara ftit jiem infurmat lill-kumitat li x-xogħol għal 25 tarġa kien stmat li ser jiswa LM170 u kienu nstabu 22 kontributur.
Minħabba t-tliet tarġiet li kien jonqos jinġabru, billi s-sitwazzjoni finanzjarja tal-każin kienet diffiċli, il-kumitat ma kienx lest joħroġ il-kumplament. Iżda l-Kummissjoni ddikjarat li jekk ma jsibux aktar kontributuri, dak li kien jonqos kienu lesti li jagħmlu tajjeb għalih huma. Iżda ma kienx hemm ħtieġa għal dan, għax meta tlestiet l-ewwel indana, din tant intgħoġbot li nstabu aktar kontributuri biex tinkesa l-indana l-oħra. Sadanittant, instabu aktar fondi biex inżebgħu mill-ġdid il-ħitan tat-taraġ, il-Bar, il-gallerijiet u l-aperturi kollha. L-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett saret fit-28 ta’ Diċembru. Kien tbierek mill-Arċisqof Gonzi u wara l-Banda għamlet programm fil-pjazza.
It-tisbieħ tal-każin, kien ippjanat li jitkompla, iżda bdew jinkixfu difetti aktarx kawżati min-nuqqas ta’ manteniment fis-snin imgħoddija, l-aktar fis-soqfa tas-swali. Il-parir tal-periti kien li jkun aħjar jekk jinbidel. Billi l-ispiża għal dan kienet konsiderevoli, bdiet tinġabar deċina ta’ żewġ xelini fil-ġimgħa. Flimkien ma saqaf ġdid għas-Sala tal-Kunċerti deher li kien aħjar li jinbidel ukoll is-saqaf tas-Sala tal-Biliards, li tiġi taħt is-sala tal-kunċerti. L-inawgurazzjoni taż-żewġ swali, wara li ġew dekorati mill-ġdid, tħalliet għall-festi li kienu qed ifakkru għeluq il-Mitt Sena mit-twaqqif tas-Soċjeta`. Is-Sala tal-Billiards ġiet inawgurata bil-finali ta’ kompetizzjoni tas-Snooker. Għall-okkażjoni, il-mejda kienet ġiet illustrata u nbidel il-pannu u nxtraw stikek u bilji ġodda. Din is-sala, biex tinżamm f’qagħda li tiġbdek, fl-1998 sar xogħol estensiv fil-ħitan billi nbidel numru ta’ ġebel li beda jitmermer, ġew restawrati l-imwejjed u l-mobbilja eżistenti u żieda ta’ oħrajn ġodda, biex kif ingħad, ġiet attrezzata b’kollox u b’kull ma tinħtieġ din il-logħba popolari.
Fis-snin 1988-89 nbidlu s-soqfa tas-Sala tal-Arkivju u l-ingress għaliha, is-soqfa tas-Sala Prinċipali, u ġew dekorati artistikament mill-ġdid. In-nefqa kienet konsiderevoli. Biżżejjed tara li, f’Seduta Straordinarja li nżammet f’Gunju 1989, ġiet approvata s-somma ta’ LM5000, eskluż il-ħafna xogħol li sar b’xejn minn uħud mill-membri tal-kumitat u xi soċi. Għal żmien twil, il-Bar kien ta’ uġiegħ ta’ ras kontinwu għall-Kumitati li nħatru sa minn kmieni fis-snin ħamsin. Rari kien hemm sena li l-kirja tiegħu ġiet onorata sa tmiem iż-zmien miftihem. Probabbilment dan kien dovut għal nuqqas ta’ konkorrenza mill-membri, billi kien f’lok li ma tantx kien jilqgħek.
Fil-bidu tal-1991, deher li għal din il-problema kien hemm soluzzjoni, billi jiġi trasferit għall-ewwel żewġt ikmamar fuq il-lemin kif tidħol. Iżda biex isir dan kienu jinħtieġu bidliet strutturali kbar. Biex dan il-proġett jitwettaq, inħatret Kummissjoni. Wara konsultazzjoni ma’ perit, beda x-xogħol, li ħafna minnu tkompla mill-membri tal-Kumitat, biex kemm jista jkun, titnaqqas in-nefqa. Għalkemm bil-mod, il-proġett kompla regolarment biex sa tmiem l-1993, kien lest bl-inawgurazzjoni ssir fil-Milied.
Fl-1998 kien imiss il-bitħa u magħha l-vaska, li ssawret f’funtana mdawla. Tkompla x-xogħol fis-Sala tal-Kunċerti u sar taraġ ġdid biex din tintlaħaq minn fejn is-Sala tal-Billiards. Ftit ġimgħat wara inbdiet l-intrata u kif din tlestiet inbeda x-xogħol fuq il-faċċata ta’ barra. Inbidel l-injam tal-gallerija u ħafna mill-ħadid ġie galvanizzat.
L-aħħar li ġibdu l-attenzjoni hemm l-istatwa ta’ rħam ta’ San Lawrenz fl-intrata, rigal tas-Sur Joseph Scicluna u l-kanċell artistiku fil-bidu tat-taraġ prinċipali, għotja ta’ Fra John Critien. Ma’ dawn nsibu ukoll bankun fis-sala tal-Arkivju biex jintrefgħu l-istandardi u l-uniformi tal-banda, kif ukoll il-proġett tal-bdil tal-Aperturi tal-injam tal-faċċata tal-kazin.
Meta l-Kumitat Ċentrali tal-każin kien qed jaħseb għall-post fejn jintrefa’ il-Planċier, fost il-possibilitajiet li ġew evalwati kien hem mil-bini ta’ Sala oħra fuq dik tal-Kunċerti. Filfatt, ix-xogħol amministrattiv f’dan ir rigward kien beda, tant li fi ftit żmien il-Kumitat kellu f’idjeh il-Permessi kollha meħtieġa. Madanakollu, peress li kien instab post tajjeb ħafna fejn jintrefa’ il-planċier, dawn il-pjanti baqgħu fuq l-ixkaffa. Pero` fis-sena 2010, grazzi għall-Benefatturi Konrad u Adolf Baldacchino, ix-xogħol tal-Bini fuq din is-Sala beda u tlesta fi żmien 3 xhur. L-għan ta’ din is-sala hu li jkompli jikber l-ispazju fil-każin fejn jintrefgħu il-ħafna assi tiegħu.
Matul is-sena 2010, l-Intrata tal-każin rat il-bidla ta’żewġ irħamiet – Dik tal-Presidenti u tas-Surmastrijiet. L-għan wara din il-bidla hu biex dawn iż-żewġ irħamiet prominenti jiġu konformi u fuq l-istess stil mal-irħama li tikkommemora il-125 sena mit-twaqqif tas-Soċjeta`. Filfatt, dawn iż-żewġ irħamiet huma biċċa xogħol sabieħa ħafna ta’ Ronald Pisani, l-istess bħall-irħama tal-125 sena Banda. Dawn l-irħamiet ġew inawgurati f’attivita` li saret ġewwa l-każin nhar l-4 t’Awwissu 2010 mill-President is-Sur Lawrence V. Farrugia u is-Surmast Direttur Mro. Paul Schembri.
Wara li fis-sena 2010 tbiddlu l-irħamiet tal-Presidenti u s-Surmastrijiet sabiex jiġu jaqblu ma’ dik tal-125 sena banda, fis-sena 2012 il-Kumitat ddeċieda li tinbidel l-irħama li tfakkar il-100 sena mit-twaqqif tal-Banda, u tintrabat mal-25 sena Anniversarju tas-Sur Lawrence V. Farrugia bħala President. Fil-fatt, fil-waqt li nżamet l-iskrizzjoni oriġinali, żdied paragrafu ieħor biex ifakkar dan l-aħħar anniversarju. Din l-irħama nkixfet nhar l-Erbgħa 1 t’Awwissu, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 Sena Anniversarju bħala President.
Kienet ilha tinħema x-xewqa li jiġi rinovat il-Bar tal-Każin. Pero` konna konxji wkoll tal-fatt li biex isir dan il-proġett, hemm bżonn ta’ eluf kbar ta’ ewros, u li sfortunatament hi spiża li l-każin żgur ma kienx jiflaħ għaliha. Għalhekk, ix-xewqa tagħna kienet li nidħlu f’partnership mal-Privat għall-iżvilupp ta’ dan il-proġett. Wara xhur ta’ esplorazzjoni, negozjati u taħdidiet, bi pjaċir il-Kumitat tas-Soċjeta` kien iħabbar li l-Ġimgħa 4 ta’ Jannar ġie ffirmat il-Kuntratt ta’ dan ir-rinovament mal-kumpanija BeBirgu Ltd. Immedjatament wara beda x-xogħol, fejn membri tal-Kumitat, immexxijja mill-President is-Sur Lawrence V. Farrugia, ħadmu bla heda, flimkien mas-Sinjuri Geert Sciot u Ed Schoeben, sabiex wasalna għar-riżultat tal-lum.
Imbgħad, bix-xieraq, fil- 5 ta’ Ġunju 2013, dan il-Bar u Restaurant tal-Każin pie inawgurat uffiċjalment mill-Prim Ministru Dr Joseph Muscat, f’attivita` li saret apposta. Għal dan il-ftuħ attendew diversi persuni distinti, fosthom Membri Parlamentari, Aġenziji tal-Ivvjaġġar, Ambaxxaturi, Persuni b’karigi għoljin f’diversi kumpaniji tal-ajru, kif ukoll mebri u bandisti propjetarji u mistednin oħra. Illum ninsabu ferm kburin b’dak li għandna, fejn il-Palazz tas-Soċjeta` kompla żied mal-ġojjelli tiegħu.
Imma l-Kumitat ma kienx kuntent b’dan u kien jaf li fadal proġett kbir ieħor maġġuri urġenti. Din kienet ir-restawr tal-faċċata tal-Palazz tas-Soċjeta`. It-taħdidiet mal-awtoritajiet konċernati kineu ilhom is-snin li bdew, u f’Lulju tal-2013 rajna ix-xewqa tagħna tinqata’ hekk kif beda jintrama’ l-iscaffolding biex jibda dan ir-restawr tant meħtieġ. Wara diversi problemi, dan ir-restawr kien lest f’Lulju tas-sena 2014, pero` kien fadallu l-aħħar biċċa xogħol, li kienet l-installazzjoni ta’ dawl.
Fil-fatt dan ġie nstallat matul l-ewwel nofs tas-sena 2015, fejn ġie inawgurat nhar it-Tnejn 3 t’Awwissu 2015 permezz ta marċ mill-Banda Vittoriosana San Lawrenz u Programm Mużiko-Letterarju quddiem il-Każin, fejn imbgħad saret il-mixgħela ġenerali u nkixfu 2 irħamiet, waħda bl-isem tal-każin u l-oħra bl-isem tal-Palazz … Palazzo Huesca. Illum Palazzo Huesca qed ikun mixgħul kuljum għat-tgawdija tal-Pubbliku fil-pjazza ewlenija ta’ Beltna, u qiegħed isaħħar lil kull min iħares lejn din il-ġawhra arkittetonika.
Fil-festa tal-2015, b’investiment konsiderovoli, ġew imżanżna sett purtieri li jixirqu għal-istil ta’ bini li hu dan il-Palazz. Dawn is-sett purtieri huma parti mill-proġett tal-bdil ta’ numru ta’ sopraporti, u saru għall-ewwel sular kif ukoll għat-tieni sular. B’hekk, issa minn ikun tiela’ t-taraġ fil-ġranet tal-Festa, jista’ jitpaxxa b’dan il-ġmiel ta’ purtieri li nistgħu ngħidu taw dehra oħra lill-Palazz rikk tas-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz.
Matul is-sena 2017, il-Kumitat tas-Soċjeta` ħaseb li kien wasal iż-żmien li jsir investiment tajjeb fis-Sala tal-Kunċerti. Permezz tal-fondi SIS, kif ukol grazzi għall-ħidma ta’ diversi membri tal-kumitat, is-Sala tal-Kunċerti ġiet rinnovata mill-ġdid, fejn apparti żebgħa neċessarja, saret sistema ta’ dawl ġdida kif ukoll ġie installat suffett sabiex itejjeb l-akkwistika tas-Sala. Ir-riżultat aħħari hu prova ċara kemm dan l-investiment kien wieħed f’waqtu, għax apparti li l-estetika tas-Sala mxiet ‘il quddiem, l-għan li s-Sala tal-Kunċerti jkollha akkwistika li tixraq għall-post fejn isiru l-provi tal-banda u l-lezzjonijiet intlaħaq sew.
Fis-Sena 2017 ukoll, il-Kumitat tas-Soċjeta` ddeċieda li jibda l-proġett ambizzjuż tar-restawr tal-għamara fis-Sala tal-Arkivju, fil-waqt li jlesti l-Bankun fuq l-istess stil tal-Arkivju. Ix-Xogħol tar-restawr, li laħħaq eluf kbar ta’ ewro, kien fdat lill-kumpanija PrevArti, bil-ftehim ikun li r-restawr kollhu jkun lest fs-sena 2018, waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-135 Sena Anniversarju mit-twaqqif tal-Banda. Fl-istess ħin, saret l-iskultura għall-bankun għand il-Kumpanija Julius Sacco Woodworks, fil-waqt li Andrew Bugeja żebagħ u waħħal l-iskultura, fil-waqt li ndura il-bankun. Għal dan il-proġett inġiebu fondi mill-Good Causes Fund, li koprew terz tal-ispiża. Barra minn hekk, is-Soċjeta` ħasbet li tagħti dehra li tixraq lis-Sala tal-Arkivju. Għaldaqstant, permezz tal-fond SIS amministrat mill-MCVS, twaħħlet Wall Paper ġdida fis-Sala tal-Kunċerti, flimkien mal-kisi mill-ġdid tal-Files li fihom tinżamm il-mużika, waqt li saru oħrajn ġodda. B’mod volontarju mill-membri tal-Kumitat sar ukoll sistema ta’ dawl ġdida u skirting ġdid f’din is-Sala, biex b’hekk tabilħaqq ġiet waħda mill-isbaħ ġawhriet fil-każin.
Pero` dan ma kienx l-uniku proġett li sar f’Palazzo Huesca matul is-sena 2018. Anzi, flimkien ma’ dan, reġgħet ġiet miżbugħa mill-ġdid l-intrata tal-każin, bix-xogħol kollhu jsir mill-membri tal-Kumitat. Ta’ min jgħid li wara l-istatwa tal-irħam ta’ San Lawrenz ġiet miżbugħ kulur differenti, liema kulur intlaqa’ ferm tajjeb u kompla sebbaħ l-intrata majestuża ta’ dan il-Palazz.
Proġett ieħor li twettaq matul is-sena 2018 kien dak tal-estenzjoni tal-kmamar eżistenti fuq wara tal-każin, prinċiparjament il-kamra li kienet tintuża bħala uffiċċju, u l-kamra rtirata fis-Sala tal-Kunċerti li kienet magħrufa bħala l-kċina. Parti minn dan il-proġett ġiet iffinanzjata mill-fond tal-Għaqda Każini tal-Banda u l-Kunsill Malti għall-Arti, u l-għan tiegħu hu li jkompli jkabbar l-ispazju eżistenti sabiex is-Soċjeta` takkomoda in-numru dejjem jikber ta’ allievi. B’hekk, permezz ta’ dan il-proġett, l-għalliema mużikali kollha jistgħu jagħmlu l-lezzjonijiet tagħhom kollha fl-istess ħin, u b’dan il-mod l-allievi qed ikunu iktar flessibbli speċjalment dawk li għandhom iktar minn lezzjon waħda ma’ għalliema differenti. Ta’ min jgħid ukoll li parti minn dan il-proġett kien jinkludu installazzjoni ta’ bieb tal-injam b’Double Glazing. Ix-xogħolijiet f’dan il-proġett kienu pjuttost kbar, fejn ried jinbena ħajt mill-ġdid, jitgħadda dawl ġdid, isiru żewġ ħitan permezz ta’ gypsum boards, twaħħil ta’ madum u naturalment żebgħa.
L-aħħar proġett li twettaq fis-sena 2018 kien dak ta’ restawr tal-opramorta ta’ fuq il-bejt, fejn qabel kien hemm il-ħadid li biż-żmien therra u anke faqa il-konkos li miegħu kien qed iżomm. Għaldaqstant, ried isir xogħol sabiex ma jibqax dan il-periklu u x-xogħol li sar kien li tneħħa l-ħadid kollha u l-istruttra li kien hemm u issa sar ħajt tal-ġebel. Barra minn hekk, sar ukoll xogħol fuq it-turretta fejn saritilha ċinta u anke taraġ tal-ħadid permanenti maħdum mill-membru tal-Kumitat John Attard. Għal darb’oħra l-għan kien sabiex jiġi eliminat kull periklu possibbli speċjalment waqt it-tlugħ u l-inżul tal-bnadar fuq l-arblu li jinsab f’dan il-post. Dawn ix-xogħolijiet ġew finanzjati mill-iskema Contingency Funds għal Għaqdiet Volontarji mmexxija mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u l-Għaqdiet Volontarji.
Fis-Sena 2019 kompla jsir iktar xogħol ġewwa l-każin. Minnbarra xogħol ta’ manutenzjoni kif ukoll iktar investiment fil-kċina ta’ fuq, bla dubju ta’ xejn l-ikbar proġett kien dak tal-Pittura fl-Arkivju ż-Żgħir. Din il-Pittura, xogħol l-artist Pawlu Camilleri Cauchi, turi lil San Lawrenz ifejjaq lill-morda. Din il-pittura ingħatat lis-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz mill-benefattur u President Onorarju Konrad Baldacchino. Ix-Xogħol fuq il-gwarniċa sar mid-ditta Sacco Woodworks. Din il-pittura ġiet inawgurata fir-riċeviment tas-Soċjeta` tal-Festa mill-President Bjorn Callus u l-benefattur u President Onorarju Konrad Baldacchino fit-3 t’Awwissu 2019.
Minkejja li s-sena 2020 tibqa’ bla dubju ta’ xejn mfakkra għall-imxija tal-pandemija COVID-19, is-Soċjeta` xorta waħda baqgħet għaddejja bil-ħidma tagħha ġewwa Palazzo Huesca. Dan jixhdu l-fatt li m
atul din is-sena, is-Soċjeta` wettqet il-proġett bl-isem ta’ Leħen l-Arkivju Mużikali. Dan il-proġett kien jinvolvi l-installazzjoni ta’ tablets fl-Arkivju l-Kbir u l-Arkivju ż-Żgħir biex b’hekk, illum il-ġurnata kull min iżur il-każin jista’ joqgħod jisma l-mużika li tippossjedi s-Soċjeta` fl-Arkivji tagħha. Din l-inizjattiva innovattiva għall-aħħar tkompli tibni mal-investiment kbir li sar fl-Arkivji tas-Soċjeta`, biex b’hekk illum kollox jinsab preservat bl-aqwa mod. Fil-fatt flimkien ma’ dan u bħala parti minn dan il-proġett, is-Soċjeta` ħadet ħsieb ukoll li tirrestawra l-bandalora tal-Alleati, li fl-2020 għalqet 101 sena. Propju mżanżna biex tiċċelebra r-rebħ tal-Ewwel Gwerra Dinjija, din il-Bandalora ġġorr magħha valur storiku u kulturali imprezzabbli u r-restawr tagħha bla dubju ta’ xejn ikompli jibni mal-passi li diġa` ttieħdu ta’ konservazzjoni. Dan il-proġett kien ffinanzjat mill-Kunsill Malti tal-arti u l-Għaqda Każini tal-Banda mill-Fond tal-Każini tal-banda.
Minnkejja l-pandemija li ppersistiet anke fis-sena 2021, ix-xogħol fis-sede tas-Soċjeta` baqa’ għaddej b’ritmu kbir. Minn restawr sħieħ tal-bibien interni ta’ Palazzo Huesca, għal sistema ġdida ta’ dranaġġ fil-bitħa li għaliha nqalgħet il-bitħa kollha. Sar xogħol kbir ukoll fuq il-bjut tal-każin, b’mod speċjali fuq dak prinċipali fejn llum hu fi stat waterproof u mill-isbaħ, lest li jilqa’ l-mistednin fih. Saru diversi xogħolijiet ta’ żebgħa u dawl ġdid, kif ukoll żdied it-tielet arblu tas-Soċjeta`. Twaħħlu tnax- il pannella u tnaddfu wkoll il-bjar, fost ħafna affarijiet oħra. Imma bla dubju ta’ xejn l-ikbar proġett kien dak tal-inawgurazzjoni tal-Pittura l-ġdida fil-loġġa ta’ fuq. Kapolavur tal-Kavallier Pawlu Camilleri Cauchi, din il-pittura tirrappreżenta r-rebħa tal-Assedju l-Kbir, u ġiet inawgurata fis-7 t’Awwissu 2021. Barra l-pittura mill-isbaħ, hemm ukoll xogħol tal-aqwa kwalita`fil-gwarniċa tal-injam, flimkien ma’ sistema ta’ dawl apposta. Din il-pittura ġiet irregalata mis-Sur Konrad Baldacchino, President Onorarju tas-Soċjeta`.
100 Sena Palazzo Huesca
Matul is-sena 2022, is-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz iċċelebrat l-anniversarju tal-100 Sena mix-xiri tal-każin. Fil-fatt, il-Kumitat ħaseb biex jiċċelebra dan l-avveniment storiku kif jixraq. Li jkollok il-Palazz li huwa propjeta` tiegħek fis-sitwazzjoni li għixna 100 sena wara hu lussu. Sabiex il-banda tagħna ma taffaċċjax dawn id-diffikultajiet, mitt sena ilu l-mexxejja tal-każin kienu għaqlin biżżejjed biex ħasbu f’dawk li kellhom jiġu warajhom. U għalhekk il-Kumitat iddeċieda li jfakkar dan l-avveniment b’mod importanti.
Wara l-ftuħ ta’ dawn il-Festi f’Jannar biż-żjara tal-E. T. l-Kardinal Peter Turcson, matul is-sena saru diversi attivitajiet foshom Snooker Centenary Competition u One Day Snooker Tournament, diversi Ikliet, Programm Mużikali, recording ta’ CD tal-marċi funerbi u pubblikazzjoni ta’ USBs bil-marċi funebri mis-snin 80 u 90 u brijużi mis-snin 90 u aktar. Sar ukoll logo għal din l-okkażjoni filwaqt li bħala tifkira saru l-First Day Cover stamps kumplimentati bil-jacket li timmarka l-okkażjoni.
Iżda l-qofol tal-Festi kienu fil-ġranet li ppreċedew id-19 ta’ Lulju, id-data proprja li kien ġie ffirmat il-kuntratt tax-xiri ta’ Palazzo Huesca. Fil-fatt, il-Ġimgħa 15 ta’ Lulju sar il-ftuħ uffiċjali tal-Wirja Lawrenzjana ġewwa Palazzo Huesca u wara ġiet organizzata ikla soċjali. Imbgħad is-Sibt 16 ta’ Lulju saret akkademja mużikali mill-Banda Vittoriosana San Lawrenz fil-Kolleġġjata. Il-Ħadd 17 ta’ Lulju ġew inawgurati żewġ bnadar, waħda Maltija kbira kif ukoll Bandiera Ġdida artistika bl-arma l-antika tas-Soċjeta`, dik tad-Duka ta’ Edinburgh.
It-Tnejn 18 ta’ Lulju ġiet mnehdija l-USB ta’ albums ta’ Marċi Brijużi mis-snin 90 li sarte fl-okkażjoni ta’ dawn il-Festi Speċjali. Filgħaxija mbgħad il-President u s-Segretarju kienu l-mistiedna tal-President ta’ Malta fil-Palazz ta’ San Anton. It-Tlieta 19 ta’ Lulju kien il-qofol ta’ dawn il-festeġġjamenti hekk kif sar marċ mill-Banda Vittoriosana San Lawrenz fejn wara l-President u l-membri tal-Kumitat laqgħu lill-Eċċellenza Tiegħu l-President tar-Repubblika George Vella fejn sar il-kxif tal-irħama kommemorattiva u riċeviment fis-Sala tal-Presidenti f’Palazzo Huesca.
Dawn il-Festi tal-100 sena Palazzo Huesca ingħalqu bil-kbir, b’tifkira dejjiema li ser tkun qed tħalli din is-Soċjeta` lill-Belt Vittoriosa. Nhar is-Sibt 17 ta’ Diċembru ġie mniehdi l-ktieb ‘Palazzo Huesca – Soċjeta` Mużikali San Lawrenz’ fuq kitba u riċerka ta’ George Agius, kittieb u storiku Vittoriosan.
Dan huwa ktieb li fih jiġbor informazzjoni u ritratti uniċi artistiċi għall-aħħar, xogħol il-fotografu Pierre Balzia li ssettja wkoll il-ktieb. Fuq traduzzjoni ta’ Roberta Saliba, dan il-ktieb kien ippubblikat bl-Ingliż ukoll u tqassam lil poplu Vittoriosan u dawk kollha dilettanti u interessati. Danil-ktieb kien proġett tal-iskema VOPS 2023 mmexxija mill-Malta Council for the Voluntary Sector f’isem il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.
Iktar Investimenti
Matul is-sena 2023, il-Kumitat tas-Soċjeta` kompla jaħdem sabiex isebbaħ dan il-palazz uniku. Fil-fatt, ħarset il-kumitat intefgħet fuq is-Sala Prinċipali tal-każin, dik magħrufa bħala s-Sala tal-Presidenti. Kien ilu jinħass il-bżonn li jsir rinovament kif jixraq, kif ukoll li tkompli tissebbaħ. Għaldaqstant, bħala parti minn dan il-proġett ta’ tisbieħ, tbiddlet il-wall paper kollha biex ġiet installata waħda isbaħ u iktar ta’ kwalita`. Sar retawr fuq is-sopraporti tal-purtieri, kif ukoll twaħħlet zokklatura tal-irħam għaliex din kienet għadha tal-injam. Din iz-zokklatura tal-irħam saret mil-iskema “Ngħinu Finanzjarjament lill-Każini tal-Banda” li hi amministrata mill- Għaqda Każini tal-Banda u mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Imma fuq kollox, is-saqaf ta’ din is-Sala tpitter mill-artist Vittoriosan Andrew Bugeja fuq disinn tiegħu stess,u din il-pittura ġiet regalata mill-Arċipriet tal-Parroċċa il-Kan. Karmenu Busuttil. F’din il-pittura qed naraw ċentru bl-arma tal-każin llum u dik passata, kif ukoll 4 arem relatati mal-każin u din is-Sala. Biex seta jsir dan ix-xogħol, sar saqaf tal-Gypsum li miegħu twaħħlet il-pittura. Fl-aħħar u mhux l-inqas, u bix-xieraq, il-Kumitat ddeċieda li jsemmi din is-Sala bħala Sala Lawrence V. Farrugia, il-mibki ex-President, u ġewwa s-Sala sar ukoll Bust ta’ Lorry fuq kolonna tal-irħam. Is-Sala ġiet inawgurata is-Sibt 29 ta’ Lulju 2023.