Il-Banda Barra minn Xtutna

Wara l-progress li għamlu seklu ilu, is-Soċjetajiet Mużikali tagħna ikkontribwew mhux ftit għall-iżvilupp soċjo-kulturali-edukattiv tal-ibliet u l-irħula tagħna. F’kull belt jew raħal kien isir kull sforz biex il-Każin tal-Banda jiddistingwi ruħu u jara li jkollu banda armata kif imiss u xejn anqas minn dik ta’ bnadi oħra. Il-fama tajba ta’ wħud minnhom mhux biss saret magħrufa hawn Malta, iżda kienet toħroġ ‘il barra minn xtutna wkoll. Dan wassal biex uħud minnhom bdew jiġu mistiedna jagħmlu programmi barra minn Malta. Waħda minn dawn kienet il-Banda tagħna li, bil-mawriet tagħha barra, uriet li kienet fost l-aktar baned armati u popolari ta’ dawk iż-żminijiet. Kulfejn marret dejjem ħarġet bl-unuri kollha, kif jixhdu r-rapporti li dehru wara, kemm fil-ġurnali lokali kif ukoll f’dawk barranin.

L-ewwel fost dawn kellha tkun dik li ġiet deskritta bħala Gita di Piacere flimkien mal-Banda, li kellha tagħmel programm mużikali f’Catania. Il-kontinġent kellu jitlaq is-Sibt 3 ta’ Settembru 1898 u jiġi lura t-Tnejn ta’ wara. Iżda għal xi raġuni, din il-mawra ma rnexxietx.

F’Catania

Il-fama tajba li kellha l-Banda tal-Palma f’Catania baqgħet konsistenti fis-snin li ġew wara. Fis-sajf tal-1903, reġgħet, ġiet mistiedna biex titla’ tagħmel programmi f’dik il-belt. L-istedina kienet waslet qrib il-festa ta’ San Lawrenz u kien hemm diversi diffikultajiet li riedu jintgħelbu. Fost dawn kien hemm dik li ma kienx hemm żmien biżżejjed ħlief għal erba’ kunċerti, għax l-istedina kienet għall-aħħar ġimgħa t’ Awissu. Iżda l-kumitat u l-bandisti daħlu għall-isfida u bdew minnufih il-preparamenti meħtieġa.

Il-fondi għal mawra bħal din kienu ta’ uġiegħ ta’ ras ukoll. Minħabba li ż-żmien kien daħal, kien hemm il-biża’ ta’ nuqqas ta’ konkorrenza min-nies. Din kienet importanti għax minn hemm riedu jiġu parti mill-ispejjeż. Iżda għal dan kienu daħlu żewġ ammiraturi tal-Banda, li għamlu tajjeb biex il-vapur tal-passiġġieri seta’ jinkera kmieni. Ma’ sbieħ is-Sibt 22 ta’ Awissu, id-Duke of Edinburgh, imsieħba minn numru t’ ammiraturi, kienet fi triqitha lejn Catania.

Fuq il-moll ta’ Catania inġemgħet folla kbira tistenna l-wasla tal banda Maltija. Kif il-vapur ittrakka mal-art, id-Duke of Edinburgh sellmet lill-folla bl-Innu Nazzjonali Taljan. ġest li ntlaqa’ b’applawsi kbar. Wara, il-Maltin u l-Isqallin tħalltu flimkien wara l-Banda li, fi triqitha lejn il-Palazz tal-Muniċipju, allegrathom b’marċi brijużi. Mal-wasla fil-Muniċipju, intlaqgħu mill-Awtoritajiet ta’ Catania u ngħataw merħba permezz ta’ riċeviment.

Il-Ħadd il-banda għamlet programm fuq iz-zuntier tal-Katidral ta’ Sant’Agata. Filgħaxija, il-bandisti kienu għal-lest fuq il-planċier ġo Villa Bellini biex jibda l-programm prinċipali, li għalih il-banda kienet ġiet mistiedna. Billi dan il-programm mill-banda Maltija kien ingħata prominenza mill-ġurnali Kataniżi, madwar il-planċier inġabret folla kbira. Il-Banda bdiet bis-sinfonija Ricordo a Bellini ta’ Mercadante, segwita minn kompożizzjonijiet oħra tas-Surmast Grech. Dawn intlaqgħu b’applawsi kbar. Xogħlijiet is-surmast Grech kienu ntlaqgħu tajjeb ħafna, tant li waqt din iż-żjara kien inħatar Membro Accademico Circolo Real Bellini.

Wara dawn kien imiss Selezzjoni mill-Mefistofele ta’ Boito. Il-banda Vittoriosana kompliet il-programm bil-Preghiera alla Beata Vergine. Wara l-Preghiera kien imiss Selezzjoni mill-opra Faust. L-interpretazzjoni tas-Serenata The Warbles ta’ Hume kienet intgħoġbot ferm mill-Kataniżi u ġiet deskritta bħala impekkabbli. Dan kien aktarx dovut għall-fatt li, f’parti minnha xi wħud mill-bandisti kienu jwarrbu l-istrumenti tagħhom u minflok jibdew isaffru. Hu magħruf li, għall-mod stupend li bih kienu jsaffru, dan il-passaġġ kien ikun mistenni ħafna. Kif din intemmet, il-folla preżenti nfexxet iċċapċap bla waqfien, kontinwament jitolbu l-bis. Minkejja li kien sar il-ħin, is-surmast Grech ikkuntentahom u din id-darba, mal-applawżi żdied il-ħruq ta’ suffarelli u l-mixegħla ta’ gassijiet kuluriti. Il-programm intemm bl-Innu Nazzjonali Taljan u, billi konna għadna kolonja Ingliża u l-Innu Malti kien għadu ‘l bogħod, indaqq il-God Save.

Għalkemm il-lejl kien daħal ġmielu, il-Banda mmarċjat tul it-triq kemmxejn twila lejn il-port iddoqq il-marċi, li l-Isqallin tant kienu jħobbu. Il-banda u l-ammiraturi tagħha waslu lura Malta it-Tnejn filgħodu u ngħataw merħba kbira mill-għadd kbir ta’ qraba li nizlu jistennewhom ix-Xatt ta’ San Lawrenz.

F’Palermo u Messina

F’nofs l-1904, l-banda kienet ġiet mistiedna biex tagħmel programmi f’Messina u Palermo, tnejn mill-akbar bliet ta’ Sqallija. Din il-mawra tal-Banda f’dawn iż-żewġt ibliet importanti ngħatat prominenza ġmielha fl-istampa lokali. Il-Banda Duke of Edinburgh, flimkien ma’ għadd t’ ammiraturi, ħalliet Malta fil-21 ta’ Lulju u waslu Palermo l-għada. Fuq il-moll sabu tistenniehom il-Banda Muniċipali ta’ Palermo. Minn fuq il-gverta tal-vapur, il-banda Vittoriosana sellmitilha bl-Innu Nazzjonali Taljan. L-Isqallin irreċiprokaw bil-God Save.

Il-Bandalora mogħtija lill-Banda f'Palermo

Wara l-iżbark, iż-żewġ baned immarċjaw idoqqu marċi brijjużi flimkien għal fejn jinstab midfun il-Konti Ruġġieru, fost iċ-ċapċip tal-folla li nġabret. Mal-wasla fil-katidral, intlaqgħu minn Mons. Mazzola. Mill-knisja, il-Banda Vittoriosana kienet mistiedna fil-Palazz Muniċipali, fejn ingħatat merħba mill-Pro Sindaco. L-għada, il-Banda Duke of Edinburgh, taħt id-direzzjoni tas-surmast tagħha Gaetano Grech, għamlet programm fit-Teatro Biondo. Waqt l-intervall, wara indirizz mill-Professur Enrico Scala ġiet ippreżentata lill-Banda bandalora bl-istemma ta’ Palermo b’iskrizzjoni b’ħajt tad-deheb:

Impresa del Teatro Biondo e Cavalier Pierantoni alla Filarmonica Duke of Edinburgh – Luglio 1904

L-għada, il-Banda daqqet programm ieħor, din id-darba, fi Piazza Foro Umberto. Ma’ tmiem il-programm, il-kontinġent irħielha lejn Messina. Hemmhekk sabu tilqagħhom il-Banda tal-Muniċipju, li wasslithom sad-Duomo famuż ta’ dik il-belt biex jattendu għaċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa. Fl-aħħar jum tal-kontinġent Vittoriosan fi Sqallija, il-Banda għamlet programm ta’ siegħa u nofs, sa ma wasal ħin l-imbark. Programm li ntemm b’applawsi kbar u l-għajjat ta’ “Viva l-Maltin” mill-folla kbira li nġabret madwarhom. Impressjonati bil-laqgħa sabiħa li kellhom fi Sqallija, il-banda u l-ammiraturi tagħha ħallew Messina lura lejn Malta sodisfatti li servew t’ ambaxxaturi denji ta’ pajjiżhom billi wrew b’mod innegabbli l-livell għoli li kienu laħqu l-baned Maltin fl-arti mużikali.

Il-Mawra f’Tuneż

Waqt iż-Żjara tal-Banda f'Tuneż

Il-fama mill-aqwa li kisbet il-Banda fi żmien Artz waslet ukoll fil-kontinent Afrikan. F’April tal-1927, ġiet mistiedna mill-kolonja Maltija ta’ Tuneż għall-festi reliġjużi u ċivili li kellhom jibdew f’Mejju. Il-kumitat aċċetta l-istedina u fil-31 ta’ Mejju, il-Banda flimkien ma’ għadd t’ ammiraturi imbarkaw lejn Tuneż. Kif waslu hemm, sabu jilqgħuhom ħafna Maltin li komplew jakkompanjawhom waqt iż-żjarat li għamlu lill-Gvernatur, lill-Konslu Ingliż u lill-Bej ta’ Tuneż wara li niżlu ‘l art.

L-ewwel programm il-Banda għamlitu fil-lokalita` magħrufa bħala Phjara. Mro. Artz kellu fiduċja sħiħa fl-assistent tiegħu Paċifku Scicluna, tant li l-ewwel programm fdah f’idejh. Hawn l-Assistent Direttur idderieġa mużika ta’ kompożituri Maltin flimkien ma’ oħrajn ta’ Verdi, Brahms u Gounod.

It-tieni programm sar f’wieħed mill-isbaħ teatri tal-belt ta’ Tuneż – it-Teatro Alhambra. Dik il-lejla kienu preżenti l-ogħla uffiċjali tal-belt. Mro. Artz ippreżenta l-kompożizzjoni tiegħu Lil Malta, dik ta’ Nicolo Isuoard Avviso ai Maritati u r-Rosenkavalier ta’ Strauss. Is-Sinjura Artz għamlet il-parti tagħha wkoll billi interpretat diversi arie u kanzunetti akkompanjata minn żewġha fuq il-pjanu. Il-kunċert kien spiċċa bis-soliti diskorsi tal-okkażjoni u għoti ta’ rigali u wara bid-daqq tal-God Save u l-Innu Nazzjonali Franċiż. Wara, il-Maltin ta’ Tuneż kienu taw pranzu għall-membri tal-kumitat u l-bandisti li għalih ġew mistiedna l-Uffiċjalita` ta’ Tuneż u l-Konslu Ingliż.

L-aħħar programm sar fil-Belvedere ta’ Tuneż, fejn fir-repertorju għal dakinhar, Artz kien inkluda l-kompożizzjoni ta’ Respighi Le Fontane di Roma, li ntlaqgħet b’applawsi kbar, li komplew fit-tul wara li l-Banda ġiet ippreżentata bi stendard mill-Maltin li kienu jgħixu hemm.

Wara li dawn il-mawriet kienu suċċess, fl-istess żminijiet waslu stediniet oħra, iżda għal diversi raġunijiet, dawn ma setgħux jintlaqgħu. Kemm il-gwerra tal-1914 u kemm l-oħra ta’ warajha sfrattaw pjanijiet li kien hemm għal mawriet oħrajn. Fost dawn kien hemm dik li saret lill-Banda sentejn qabel it-Tieni Gwerra dinjija. Din waslet mingħand id-direttur J.C. Bonnici ta’ Ville de Tunis, biex tieħu sehem f’Konkors Internazzjonali tal-Mużika li kellu jsir bejn is-16 u t-18 ta’ April 1938. Kienet ħasra ukoll li fl-1998, il-parteċipazzjoni għall-ewwel darba minn wara l-gwerra ta’ din il-Banda ma rnexxietx. Konkors għall-baned, li ġiet mistiedna biex tieħu sehem fih, li kellu jsir f’Como, l-Italja, f’Lulju ta’ dik is-sena, kien tħassar minħabba xi diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-organizzaturi.

Skambju Mużikali

Kellhom jgħaddu diversi snin oħra sakemm din l-esperjenza ta’ safra bil-Banda reġgħet ġiet esperjenzata. Pero` din id-darba kienet b’differenza, għaliex is-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz stiednet Banda Barranija għall-Festa ta’ San Lawrenz 2010 – Il-Philharmonie Royale Concordia minn Ottignies, Belġju. Din il-banda Belġjana kienet Malta bejn il-5 u 12 t’Awwissu, filwaqt li l-Banda Vittoriosana San Lawrenz ser tagħmel iż-żjara tagħha bejn il-11 u 18 ta’ Diċembru.

Vittoriosa in Festa 2010Waqt iż-żjara f’Malta, il-Philharmonie Royale Concordia daqqet ġewwa r-raħal ta’ San Lawrenz, Għawdex, darbtejn il-Birgu bħala parti mill-Festa ta’ San Lawrenz u tat Programm Mużikali ieħor ġewwa Marsaxlokk. Barra minn hekk, saru diversi żjarat ta’ natura kulturali bħal Belt Valletta, Mdina, il-Kottonera, Blue Grotto u t-Tempji ta’ Ħaġar Qim u Mnajdra. Ta’ min isemmi il-Programm Mużikali Vittoriosa in Festa, li sar fis-7 t’Awwissu, fejn iż-żewġ baned daqqew flimkien fuq il-Planċier Meravilja quddiem pjazza maħnuqa bin-nies. Fl-10 t’Awwissu, inżamm pranzu uffiċjali ta’ dan l-iskambju bjen l-uffiċjali u l-membri ta’ dawn iż-żewġ baned.

Philharmonie Royale Concordia

Fl-1860, fil-Belt ta’ Ottignies, grupp żgħir ta’ persuni xtaqu li flimkien “jivvintaw” il-mużika. Din il-ħolma saret realta` sentejn biss wara, għax fl-1862, dan il-grupp ifforma banda żgħira taħt l-isem ta’ “Fanfare des amis réunis et de la concorde”. Din il-banda l-ġdida bdiet tipparteċiepa f’diversi festivals mużikali, bħaċ-Ċelebrazzjonijiet li saru biex jimmarkaw il-Ħamsin Anniversarju mill-Indipendenza tal-Belġju. Iktar tard, dan il-grupp mużikali biddel ismu għal “Fanfare Concordia”. Fil-bidu tas-Seklu 20, il-Banda bl-iseem ta’ “Fanfare Concordia” iċċelebrat l-40 sena mit-twaqqif tagħha u ir-Re tal-Belġju Leopold II ta it-titlu “Royale” lill-banda. Fil-bidu tas-snin 60, Marcel Ancion, li ggradwa fil-Konservatorju ta’ Brussell u kien is-Solista fit-Teatru de la Monnaie, leħaq bħala Surmast Direttur tal-Banda “Royale Fanfare Concordia”.

Id-dinamiċita` u il-professjonalita` ta’ dan is-Surmast Direttur tat lil-banda enerġija ġdida li ssarraf fi Progress kbir. Filfatt, din il-banda bdiet iżżid l-attivitajiet tagħha billi organizzat kunċerti, ħadet sehem u organizzat f’Kompetizzjonijiet Mużikali, organizzat Tours u saħansitra anke irrekordjat mużika għall-Films. Filfatt, ir-rekordjar tal-film “The Smurfs” ta lill-banda suċċessi kbar li ssarrfu f’ popolarita` assoluta. Propju f’dan iż-żmien ukoll il-banda fetħet il-bibien tagħha għall-Tfal u żgħażagħ studenti minn skejjel mużikali tal-inħawi. Fl-1978, il-Banda ingħatat l-isem preżenti tagħha, “Philharmonie Royale Concordia” u pparteċipat fil-Logħob ta’ mingħajr Fruntieri, ferm popolari mal-Ewropa kollha, f’Arosa, l-Isvizzera. Fl-1985, il-PRC ipparteċipat ukoll f’Kompetizzjoni Mużikali Internazzjoni li saret ġewwa l-Lussemburgu. F’din il-Kompetizzjoni, din il-Banda ġiet ikklassifikata fl-ogħla kategorija.

Il-Banda daqqet ukoll f’diversi pajjiżi Ewropej bħal Sheffield u Hyde ġewwa l-Ingiltherra, Chenôve u Rennes ġewwa Franza, Trier ġewwa l-Ġermanja u Clervaux fil-Lussemburugu. Barra minn hekk, il-PRC kienet involuta f’diversi skambji mużikali li saru fil-Ġermanja (Emmerthal u Esslingen) u Franza (Jassans). Kien propju f’dan iż-żmien, fl-1984, li il-“Philharmonie Royale Concordia” irrekordjat it-Tieni Album tagħha. Fl-1987, din il-banda ċċelebrat il-125 sena mit-twaqqif tagħha u għal din l-okkażjoni, bil-kollaborazzjoni tal-pjanista magħruf Daniel Blumenthal, ġie irrekordjat Album ieħor, li hu meqjus bħala Prestiġġjuż.

Fl-aħħar tas-snin 80, il-PRC ikkompetiet għal darb’oħra fl-ogħla kategorija ta’ kopetizzjoni mużikali li inżammet ġewwa Garmisch-Partenkirchen, il-Ġermanja. Ir-riżultat f’din il-kompetizzjoni kien suċċess kbir, għax il-banda irnexxielha tikkwalifika għall-finali tirbaħha b’punti massimi; 120 minn 120. Iktar tard fis-snin wieħed jista’ jsemmi li din il-banda daqqet il-mużika popolari iżda diffiċli “Carmina Burana”, kompożiżżjoni ta’ Carl Orff. Din is-silta mużikali indaqqet flimkien ma’ diversi korijiet u solisti f’Wallonia u Brussell.

Fil-preżent, il-PRC hi banda famuża u stabbilita li tieħu sehem fl-attivitajiet l-iktar popolari, tati diversi kunċerti u tieħu sehem fi skambji mużikali kemm ġewwa l-Belġju kif ukoll barra mill-pajjiż. Fost is-suċċessi riċenti, wieħed żgur għandu jara il-parteċipazzjoni fil-Beloeil musical nights fl-2005, l-organizzar tat-Tour “Chœurs et orchestre” u id-daqt ta’ Oratorju fuq il-leġġenda ta’ San Ġorġ f’Ottubru tal-2006 fejn ma’ din il-banda Belġjana ingħaqdu żewġ solisti minn “La chapelle Reine Elisabeth”.

Il-mawra tal-Banda San Lawrenz ġewwa l-Belġju 2010

Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz żaret il-Belġju bejn il-11 u 18 ta’ Diċembru 2010, bħala parti mill-iskambju mużikali mal-Philharmonie Royale Concordia minn Ottignies ġewwa l-Belġju. Il-Kontinġent bejn Bandisti, membri tal-Kumitat u akkumpanjaturi kien jgħodd mal-54 ruħ. Dan il-grupp telaq lejn il-Belġju is-Sibt 18 ta’ Diċembru wara nofsinhar u wasal fil-lukanda ġewwa Louvain-La-Neuve għall-ħabta tad-9 ta’ filgħaxija.

L-għada, il-Ħadd 19 ta’ Diċembru, il-kontinġent attenda għall-quddies ġewwa din il-Belt u mbgħad rħielha lejn il-Belt ta’ Nivelles, fejn il-Banda San Lawrenz tat l-ewwel kunċert tagħha. Dan il-kunċert sar ġewwa l-Knisja Kolleġġjata ta’ Nivelles fis-1.30 pm, li hi l-knisja prinċipali fil-qalba ta’ din il-Belt. Flimkien mal-Banda San Lawrenz, ħadet sehem ukoll il-Philharmonie Royale Concordia. Il-Banda San Lawrenz, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Paul Schembri, għamlet dan il-Programm;

Light Cavalry F.V. Suppe
Blue Danube Johan Strauss
Gladiator Hans Zimmer
20th Anniversary Paul Schembri
Feliz Navidad Jose Feliciano
Christmas Kings Arr. A. Balent
Radetzky March Johan Strauss

Dan il-programm ġie milqugħ tajjeb ħafna minn dawk preżenti. Wara, li spiċċa dan il-kunċert, iż-żewġ baned kienu mistiedna għall-riċeviment ġewwa Lukanda Ewlenija f’Nivelles li kien mogħti mis-Sindku ta’ din il-Belt. Imbgħad, wara li l-kontinġent kellu ċ-ċans li jżur il-Villaġġ tal-Milied tal-Lokal, rħielha lejn Ceroux-Mousty fejn il-Philharmonie Royale Concordia organizzat ikla uffiċjali għall-kontinġent kollu.

It-Tnejn 13 u t-Tlieta 14 ta’ Diċembru kienu ġranet liberi mid-daqq u għalhekk il-kontinġent żar diversi postijiet fosthom Maredsous u l-Kunvent tal-lokal, Dinant, fejn jinsab mużew famuż ħafna rigward l-istrument tas-Saxophone u Bruges, belt sabiħa fin-naħa ta’ fuq tal-Belġju.

Kunċert ġewwa Louvain-La-Neuve

 

L-Erbgħa 15 ta’ Diċembru kienet ġurnata oħra mpenjattiva għall-Banda San Lawrenz mil-lat mużikali. Wara li l-grupp kollu żar il-Belt Louvain-La-Neuve, waranfosinhar il-Banda daqqet fil-pjazza Prinċipali ta’ dan il-post fejn allegrat lill-dawk kollha li kienu qed iżuru il-villaġġ tal-Milied. F’dan il-programm, f’kesħa kbira il-Banda San Lawrenz daqqet din il-mużika;

 

 

Light Cavalry F. V. Suppe
20th Anniversary Paul Schembri
Blue Danube Johan Strauss
Best of Zucchero P. Pia
The Best of Maltese Folklore Arr. A. Chircop
Carmen George Bizet
La Vita e Bella Nicola Piovani
Feliz Navidad Jose Feliciano
Christmas Kings A. Balent

Il-Ħamis 16 ta’ Diċembru, il-kontinġent żar il-post storiku ta’ Waterloo. Hawnhekk il-grupp kellu ċ-ċans li jara id-dar fejn għix id-Duka ta’ Wellington, il-mużew, diversi filmati kif ukoll l-art li fuqha saret din il-battalja tant famuża.

Il-Kant tal-Christmas Carols mal-Banda San LawrenzImbgħad il-Ġimgħa 17 ta’ Diċembru kien l-iktar jum importanti f’din il-mawra. Il-grupp kellu telaq wara nofsinhar lejn Brussell fejn wara li żar il-Grand Place u xi postijiet oħra fiċ-ċentru ta’ din il-Belt Kapitali Ewropeja, il-Banda San Lawrenz marret ġewwa Dar Malta biex tibda tipprepara għall-Kunċert u l-Quddiesa. Filfatt, il-Banda San Lawrenz akkumpanjat bid-daqq ta’ għanjiet tal-Milied l-ewwel quddiesa li qatt saret ġewwa dan il-post. Wara li spiċċat il-quddiesa, il-Banda akkumpanjat ukoll grupp ta’ tfal Maltin waqt il-kant tal-Christmas Carols.

Pero` iktar importanti minn hekk, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz kienet propju l-ewwel banda Maltija li qatt daqqet ġewwa Dar Malta. U bix-xieraq, fuq stedina tal-Ambaxxatur Malti għar-Renju tal-Belġju, li l-Banda San Lawrenz ħejjiet u daqqet program sabiħ ħafna;

Light Cavalry F. V. Suppe
Il-Bajja tal-Mellieħa Arr. Mauro Farrugia
Blue Danube Johan Strauss
Best of Zucchero P. Pia
Niftakar Fik Arr. R. Zammit
20th Anniversary Paul Schembri
The Best of Maltese Folklore Arr. A. Chircop
Feliz Navidad Jose Feliciano
Christmas Kings A. Balent

Il-Banda San Lawrenz iddoqq ġewwa Dar Malta

Dan il-Programm intlaqa’ tajjeb ħafna minn dawk preżenti. Wara li daqqet il-Banda San Lawrenz, saru id-diskorsi u l-preżentazzjonijiet lill-Kumitat u s-Surmast tal-Philharmonie Royale Concordia u lill-Ambaxxatur Malti l-E.T. tiegħu Pierre Clive Agius. Wara li sar riċeviment tal-okkażjoni, il-Philharmonie Royale Concordia għamlet il-programm tagħha.

Is-Sibt 18 ta’ Diċembru, l-aħħar juPreżentazzjoni lill-E.T. Ambaxxatur ta' Malta għall-Belġjum tal-Banda San Lawrenz ġewwa l-Belġju, beda minn kmieni filgħodu meta l-kontinġent kollu kien mistieden għall-Breakfast tradizzjonali tal-Milied Belġjan ġewwa Farmhouse f’Ottignies. Wara sar kunċert mill-Philharmonie Royale Concordiafejn il-kontinġent kollu setgħa jara il-mod kif din l-orkestra tagħmel ir-rehearsals tagħha. Pero` il-mawra kienet waslet fl-aħħar tagħha, u b’theddida ta’ maltempata borra, il-kontinġent telaq mill-Belġju u wasal lura Malta għall-ħabta ta’ nofs il-lejl. Żgur li din il-mawra tista’ titqies suċċess minn kull lat, kemm mil-lat mużikali, kif ukoll minn dak organizattiv u ta’ divertiment, u dan qaluh il-membri tal-kontinġent li akkumpanja lill-Banda San Lawrenz kif ukoll diversi rapporti li deheru fl-istampa.

Skambju Mużikali ieħor

Wara biss 8 snin, u fl-okkażjoni tal-135 Anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjeta`, il-kumitat ħass li jkun xieraq li għal darb’oħra, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz tkun l-ambaxxatriċi ta’ Beltna u ta’ Pajjiżna barra minn xtutna. U għal darb’oħra, x-xewqa kienet li jerġa’ jsir skambju mużikali bħal ma sar fl-2010. Għaldaqstant, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz kienet il-mistiedna speċjali fil-Festa ta’ San Mauro, Viagrande, Sqallija, bejn it-13 u s-16 ta’ Jannar 2018, fil-waqt li l’Associazione Culturale Bandistica Synphonica Citta` di Viagrande kienet il-mistiedna speċjali għall-Festa ta’ San Lawrenz 2018, bejn is-7 u l-10 t’Awwissu.

Waqt iż-żjara tagħha f’Malta, l’ Associazione Culturale Musicale Bandistica Synphonica Citta` di Viagrande daqqet 3 darbiet fil-festa ta’ San Lawrenz. Fil-fatt, il-kontinġent wasal Malta kmieni nhar is-7 t’Awwissu 2018, u ftit wara rħielha għall-viżita fir-Rabat u l-Imdina. Mbgħad filgħaxija, il-Banda ta’ Viagrande fetħet l-impenji tagħha fil-Festa ta’ San Lawrenz permezz ta’ marċ qasir flimkien mal-Banda Vittoriosana San Lawrenz tul triq il-Mina il-Kbira, qabel il-Programm Mużikali Vittoriosa in Festa. Il-kontinġent kien mistieden għall-bibita żgħira fil-każin u wara assista għal dan il-Programm Mużikali fejn saru preżentazzjonijiet reċiproċi bejn il-baned.

Nhar it-8 t’Awwissu 2018, il-kontinġent minn Sqallija rħielha lejn il-kapitali Maltija fejn wara żjara tal-Belt Valletta, filgħaxija għal darb’oħra kien imiss sehem ieħor fil-Festa ta’ San Lawrenz din id-darba b’marċ u programm. Fil-fatt, l’Associazione Musicale Culturale Bandistica Synphonica Citta` di Viagrande bdiet b’marċ tul Triq il-Mina l-Kbira u wara esegwiet programm mużikali fuq il-planċier tas-Soċjeta`, fejn anke daqqet l-Innu ta’ San Lawrenz mal-wasal ta’ San Lawrenz jagħti d-dawl lill-Għomja fil-Pjazza.

L-għada, nhar id-9 t’Awwissu 2018, il-kontinġent kien mistieden għall-marċ ta’ filgħodu tal-Festa ta’ San Lawrenz fost il-birju tal-partitarji Palmiżi, biex mbgħad flgħaxija, din il-Banda esegwiet għal darb’ oħra programm Mużikali mill-aqwa f’Sally Port waqt La Notte di San Lorenzo, u wara għamlet marċ tul il-Waterfront tal-Belt Vittoriosa. Din iż-żjara ta’ suċċess ġiet fi tmiemha nhar il-Ġimgħa 10 t’Awwissu 2018.

L’Associazione Culturale Musicale Bandistica Synphonica Citta` di Viagrande

 

Dan il-korp mużikali ġewwa Viagrande hu kontinwazzjoni ta’ tradizzjoni antika ftit sekli mhux ħazin, tant li hemm dokumentat li l-oriġini tal-banda preżenti imorru lura għall-1800. Barra minn hekk, dokumentazzjoni dwar il-banda ta’ Viagrande tmur lura sal-1848, is-sena ta’ ħafna rivoluzzjonijiet ġewwa l-Italja.

Il-popolarita` ta’ din il-banda takkumpanjaha fi Sqallija kollha u anke fl-Italja permezz ta’ daqq u kunċerti fl-iktar bliet importanti tar-reġjun ta’ Sqallija u anke fil-Calabria.  Fis-snin li għaddew, din il-Banda ta’ Viagrande kienet popolari mmens għall-preżenza u s-sehem tagħha fil-festi tal-patrun ta’ ħafna mill-irħula tal-madwar, b’mod speċjali għal dik fir-raħal ta’ Sant’ Alfio, meta kienu jivvjaġġaw permezz ta’ karrettuni u karrozelli u li kienet ikkunsidrata bħala ferm ‘il bogħod.

Fis-snin 1978,  1979 u 1980, l’ Associazione Culturale Musicale Bandistica Synphonica Citta` di Viagrande ħadet sehem fil-“Festival delle Bande Musicali”, li kien organizzat mill-ħanut Pro-Loco ta’ Viagrande stess, fejn fih il-Banda dejjem rċeviet kritika u kunsens pożittiv ferm mill-pubbliku.

Taħt it-tmexxija ta’ Mro V. Aprile, il-banda ta’ Viagrande kienet l-ewwel banda miż-żona tal-Etna li għamlet programmi mużikali bil-parteċipazzjoni tal-“Cantanti Lirici”. Din l-inizjattiva kellha tifħir kbir mill-pubbliku u qajmet interess enormi, tant li l-pubbliku attenda b’udjenza enormi. Fis-sena 2011, fuq inizjattiva u interess tal-kunsillier tal-komun Antonino Billone, il-banda ta’ Viagrande ġiet rikonoxxuta mill-Ministeru tal-Kultura bħala grupp mużikali li jaħdem għall-ġid tal-komunita`.

Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz ġewwa Viagrande

Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz żaret Viagrande, Sqallija bejn it-13 u s-16 ta’ Jannar 2018, bħala parti mill-iskambju mużikali tas-sena 2018 mal-Associazione Culturale Musicale Bandistica Synphonica Citta` di Viagrande. Il-Kontinġent bejn Bandisti, membri tal-Kumitat u akkumpanjaturi kien jgħodd mal-54 ruħ. Dan il-grupp telaq lejn Catania kmieni filgħodu s-Sibt 13 ta’ Jannar u wasal fil-lukanda ġewwa Acitrezza għall-ħabta ta’ nofsinhar, peress li kif wasal, il-kontinġent Malti ttieħed għall-viżta mill-isbaħ fuq il-vulkan popolari l-Etna. Filgħaxija l-kontinġent Vittorjożan assista għall-mixgħela mill-isbaħ u nar u dwal sinkronizzati mal-mużika ġewwa Viagrande għall-Festa ta’ San Mauro wara żjara f’Catania.

L-għada, il-Ħadd 14 ta’ Jannar, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz flimkien mal-partitarji tat l-ewwel sehem tagħha fil-Festa ta’ San Mauro permezz ta’ żewġ servizzi, fejn l-ewwel għamlet marċ brijuż kmieni wara nofisinhar, u iktar tard akkumpanjat il-purċissjoni bir-relikwija tal-qaddis. Kienu żewġ servizzi mill-Banda Vittoriosana San Lawrenz li għamlu unur lil Beltna u pajjiżna.

Mbgħad it-Tnejn 15 ta’ Jannar, is-servizzi tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz laħqu l-qofol tagħhom hekk kif f’nhar il-Festa ta’ San Mauro, il-banda bdiet marċ kmieni filgħodu fejn wasslet lis-Sindku ta’ Viagrande lejn il-Knisja għall-ponitifkal tal-Festa. Wara dan, għall-ħabta ta’ nofsinhar, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz esegwiet Programm Mużikali taħt id-direzzjoni ta’ Mro Jonathan Abela fil-pjazza ewlenija ta’ Viagrande, bil-mużika tkun kif ġej:

Mexicali Brass J. Cacavas
Alba d’Amore G. Giumarra
Radetsky March J. Strauss
Concerto D’Amore J. De Haan
Luglio Arr. A. Calleja
The Last Waltz Arr. C. Pisani
You’ll be in My Heart Arr. J. Van Kraeydonck

Dan il-programm ġie milqugħ tajjeb ħafna minn dawk preżenti. Ta’ min isemmi wkoll il-preżetazzjonijiet Wara, li spiċċa dan il-kunċert, Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz akkumpanjat lill-istatwa ta’ San Mauro fil-ħruġ trijonfali tagħha mill-Knisja sal-ewwel waqtiet tal-purċissjoni, biex b’hekk intemmu l-impenju mużikali b’suċċess mill-aqwa.

It-Tlieta 16 ta’ Jannar 2018, il-kontinġent żar il-Belt pittoreska ta’ Taormina fil-waqt li filgħaxija rritorna lura lejn il-pajjiż sodisfatt għall-aħħar bis-suċessi miksuba.

 

 

Ruma 2023

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-140 Sena Banda, flimkien mat-300 Anniversarju mill-Konsagrazzjoni tal-Knisja ta’ San Lawrenz fil-Birgu, is-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz flimkien mal-Parroċċa żaret il-belt ta’ Ruma bejn it-23 u s-26 t’April 2023. B’kontinġent ta’ iżjed minn 100 ruħ, il-Banda daqqet 3 darbiet, apparti żjarat immirati f’din il-mawra Lawrenzjana. Fil-fatt, mal-wasla tal-kontiġent il-Ħadd saret żjara f’postijiet prinċipali f’Ruma marbutin ma’ San Lawrenz bħal San Lorenzo in Fonte u San Lorenzo in Lucina fejn tinsab ivvenerata l-gradilja u saret quddies għall-grupp kollhu.

It-Tnejn 24 t’April saret żjara fil-Belt t’Amaseno, fejn saret laqgħa mas-Sindku u l-awtoritajiet ċivili u ekkleżjastiċi lokali kif ukoll mill-banda tal-lokal. Hawnhekk il-Banda Vittoriosana San Lawrenz ingħaqdet mal-banda t’Amaseno u ndoqqu diversi marċi flimkien għal madwar ħin ta’ siegħa. Wara sar skambju ta’ korteżiji fil-Knisja.

It-Tlieta 25 t’April kien il-Jum Internazzjonali Lawrenzjan li jiġi mtella’ fil-Bażilika ta’ San Lorenzo Fuori Le Mura. Bejn id-9.00am u l-10.00am, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz għamlet Programm Mużikali quddiem il-knisja. Wara, sar l-ingress uffiċjali tal-grupp Vittoriosan fil-Bażilika, inkluż il-banda u ndaqq l-innu ddedikat lil San Lawrenz. Fil-11.30am mbgħad bdiet il-quddiesa tal-okkażjoni. L-attivita` kompliet fi Chiesa Rettoria San Lorenzo in Panisperna fejn indaqqu marċi oħra fil-bitħa interna. il-mużika li daqqet il-banda waqt il-programm kienet din:

Air for Band F. Erickson
Alba d’Amore G. Giumarra
Best of Maltese Folklore Arr. A. Chircop
Flying Throughout the Years J. Abela
Cavalleria Rusticana (Intermezzo) P. Mascagni
Light Cavalry F. Von Suppe
Queen’s Park Melody J. De Haan

L-iktar ġurnata importanti kienet l-Erbgħa 26 t’April 2023 hekk kif il-kontinġent żar il-Vatikan. Fil-fatt, fid-9.00am, il-Banda bdiet iddoqq il-marċi brijużi waqt li l-Qdusija Tiegħu l-Papa beda jsellem lill-poplu waqt l-Udjenza ta’ kull ġimgħa. Żgur li huma memorji mill-isbaħ fejn il-Papa kien akkumpnajt mill-Innijiet ta’ Frendo u il-famuż Letter A flimkien ma’ marċi oħra. Memorabbli kienet uk0ll il-laqgħa li kellna mal-Qdusija Tiegħu l-Papa wara li ntemmet l-Udejnza Ġenerali. il-Banda Vittoriosana San Lawrenz għalqet is-servizzi tagħha b’marċ minn Pjazza San Pietru għall-Via Della Conciliazione. Mawra mill-aqwa li ċċelebrat b’mod mill-isbaħ l-okkażjoni ta’ dawn iż-żewġ anniversarji importanti.