KunċertNobil – Kunċert għall-kawża ġusta

Nhar is-Sibt 27 ta’ Novembru 2010 fis-7.15 pm se jittella’ kunċert ġewwa l-Kulleġġ De La Salle fil-Birgu bl-għan li jgħin u jtaffi ftit mill-piż tal-ispiża li l-kura ta’ Valerie Ghigo tinħtieġ. Valerie diġa` kellha bżonn tmur tliet darbiet fi kliniċi privati barra minn Malta u filfatt għadha kemm ġiet lura mill-Ingilterra fejn marret għall-testijiet oħra. Minkejja li sabet appoġġ familjari u minn diversi ħbieb, għad baqa’ xi jsirilha kif ukoll monitoraġġ tas-sitwazzjoni, apparti dieta speċjalizzata li tinħtieg. Kull darba li tmur barra l-ispiża qed tkun tiswa circa disat elef ewro.

Għalhekk, biex it-trattament ikun jista’ jibqa’ jingħata, grupp ta’ ħbieb tal-familja tagħha mill-qasam tal-baned Maltin ingħaqdu flimkien u qed jorganizzaw dan il-kunċert. Id-dħul se jkun b’xejn, imma waqt is-serata, dawk preżenti se jiġu mitluba donazzjoni għal dan il-għan. Min se jieħu sehem – bandisti, kantanti, kiri tas-sala – kulħadd offra servizz bla ħlas. Se jipparteċipaw Thea Garrett, Ina Robinich u Dominic Cini, Georgina, Ritienne, Jewls Verse, Amber, Bernard Busuttil, Dr Elaine Borg il-Paul Curmi Dancers u l-Jacksons Pipe Band fost oħrajn. Il-Banda ser tkun taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Mro Emmanuel Spagnol FLCM, LLCM (Hons.). Għalhekk nħeġġu lil kulħadd biex jattendi u magħkom iġġibu ħbieb, imma min ma jistax, jista’ jibgħat id-donazzjoni tiegħu billi jagħmel kuntatt mal-indirizz elettroniku vsgvdum@yahoo.co.uk jew fil-Kont Bankarju li twaqqaf apposta – BOV 40017635761.

Dan hu l-appell sinċier ta’ dan il-grupp ta’ ħbieb biex il-ħajja ta’ omm ta’ 38 sena b’żewġ ulied ta’ 3 u 5 snin tkun iktar faċli, serena u finalment wieħed jittama fil-grazzja t’Alla li l-kura tgħati r-riżultat mixtieq.