Jonathan Abela Surmast Direttur tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz

Jonathan Abela Il-Kumitat tas-Soċjeta’ Mużikali San Lawrenz tal-Belt Vittoriosa bi pjaċir iħabbar li Mro. Jonathan Abela nħatar Surmast Direttur tal-Banda. Dan ġie deċiż f’Laqgħa tal-Kumitat li saret illum fuq rakkomandazzjoni tal-Bord tal-Għażla li ħa ħsieb il-proċess kollu. Din il-kariga ser tkun effettiva’ min nhar it-Tnejn 3 t’Awwissu, 2015 meta ser isir Programm Speċjali biex isellem lil Mro. Paul Schembri filwaqt li tibda l-era’ ta’ Mro. Abela.

Jonathan Abela għandu 42 sena u huwa iben Carmelo u Mary Abela nee’ Brown. Huwa twieled il-Pieta’ u tgħammed fil-Parroċċa ta’ San Lawrenz ġewwa l-Birgu. Fl’ewwel snin huwa kien joqgħod ġewwa Triq La Valette fil-Birgu. Aktar tard il-familja tiegħu imxiet lejn Ħaż-Żabbar. Jonathan huwa miżżewweġ lil Lorraine Abela nee’ Grech u għandhom żewġt itfal, Luke u Gabriel. Meta żżewġu huma marru joqgħodu l-Kalkara, fejn għadhom joqogħdu hemm sal-lum. Jonathan huwa uffiċjal taċ-Ċivil u bħalissa qiegħed jaħdem fis-Sezzjoni tat-Teknoloġija tal-Informatika fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa u l-Enerġija.

Jonathan beda jistudja l-mużika fl-eta’ ta’ sbatax il-sena taħt Mro. Ray Sciberras. Wara ħdax il-xahar ħareġ idoqq is-slide trombone mal-Banda Maria Mater Gratiae ta’ Ħaż-Żabbar. Fl-istess żmien beda jistudja it-tejorija mużikali taħt l-istess surmast. Wara sitt snin studju fit-tejorija mużikali fejn għadda mill-grades kollha, fl-1997 għadda ukoll mid-Diploma A.Mus.LCM. Sadanittant, huwa baqa jistudja is-slide Trombone taħt diversi surmastrijiet oħrajn.

Esperjenzi bl-istrument:
Bis-Slide Trombone, Jonathan daqq ma diversi orkestri, baned u gruppi oħrajn. Fosthom daqq mal-orkestra nazzjonali li kienet taħt id-direzzjoni ta’ diversi surmastrijiet barranin. Daqq ukoll mal-orkestra ta’ Dun Gwann Galea, l-orkestra ta’ l-Amadeus Choir tat-tenur Brian Cefai, u l-orkestra ta’ Dion Buhagiar fost oħrajn. Filwaqt li l-programmi mużikali ma’ diversi baned Maltin ma naqsux, Jonathan daqq ukoll ma diversi bands u f’diversi kunċerti oħra fosthom: Tejatru Unplugged mal-band ta’ Renzo Spiteri kif ukoll mal-Bands Fakawi u Brikkuni. Kien ukoll membru fiss fil-Band Etnika li għamlet suċċess kemm f’Malta u kienet mistiedna kemm il-darba biex iddoqq barra minn xtutna. Ħa sehem ukoll f’diversi Musicals u Pantomimi fosthom Chicago, Peter Panto u Living Legends. Daqq ukoll ma diversi Big Bands fosthom il-Yohan Strauss Big Band taħt it-tmexxija ta’ Paul Abela li kienet ħadet sehem ukoll fil-Malta Jazz Festival, mal-Val Valente Big Band, kif ukoll mal-Freddie Mizzi Big Band. Jonathan kemm il-darba ta’ is-sehem tiegħu ukoll fil-band tal-kor Voices. Riċentament huwa ħa sehem fil-kunċert li tellgħet l-orkestra tal-PBS ġewwa t-tinda f’Ta’ Qali. L-orkestra kienet taħt it-tmexxija ta’ Mro Paul Abela u taħt it-tmexxija tal-kuġin tiegħu Mro. Joe Brown. Fis-26 ta’ Diċembru ta’ din is-sena, Jonathan reġa ngħaqad ma’ Mro. Joe Brown fil-programm li sar b’risq il-ġbir ta’ fondi għall-Istrina fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Maltin. Jonathan idoqq ukoll il-Bass Guitar.

Xogħol ta’ Surmast/Assistent Surmast:
Jonathan inħatar Assistent Surmast għall–ewwel darba mal-Banda San Ġużepp tal-Kalkara. Aktar tard huwa inħatar ukoll Assistent Surmast mal-Banda San Bartilmew Għargħur, il-Banda San Girgor, Sliema u aktar tard mal-Banda Beland , Zejtun. Kien ukoll għalliem mal-Banda Maria Mater Gratiae ta’ Ħaż-Żabbar. Fl-2004 inħatar Surmast Direttur tal-Banda San Ġużepp, kariga li għadu jokkupa sal-lum. Tul dawn is-snin, Jonathan idderieġa diversi programmi Mużikali mal-Baned li fihom kien jokkupa kariga.

Kompożizzjonijiet:
Jonathan ikkompona diversi Marċi Brijużi u Funebri, Valzi, Innijiet u arranġamenti oħra għall-banda. Huwa kkompona ukoll tlett Tone Poems għall-Banda. Siltiet mill-aħħar Tone Poem li kkompona ndaqqu ukoll waqt l-audition li saret għall-għażla ta’ Surmast Direttur tas-Soċjeta’ Mużikali San Lawrenz tal-Birgu.