MAWRA SUĊĊESS F’RUMA MILL-BANDA VITTORIOSANA SAN LAWRENZ

 

Kontinġent ta’ 120 persuna li kien jinkludi l-Banda Vittoriosana San Lawrenz għadu kemm għamel mawra f’Ruma bħala parti minn Ġita Lawrenzjana b’mawriet f’Amaseno, il-Basilica ta’ San Lorenzo Fuori le Mura u l-Vatikan.

It-Tnejn 24 t’April saret żjara fil-Belt ta’ Amaseno, li hija tant magħrufa mal-Lawrenzjani madwar id-dinja, għax fiha tinsab ir-relikwija tad-Demm ta’ San Lawrenz. Mal-wasla f’Amaseno il-grupp intlaqa’ mis-Sindku u l-Awtoritajiet Ċivili u ekkleżjastiċi lokali, kif ukoll mill-banda tal-lokal. Hawnhekk, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz ingħaqdet mal-Banda ta’ Amaseno u flimkien daqqew numri ta’ marċi fil-Pjazza tal-lokal fejn wara waslu sal-Knisja lill-awtoritajiet fejn hemm ivvenerat id-Demm ta’ San Lawrenz. Fil-knisja kien hemm programm qasir fejn kulħadd seta’ jara mill-qrib din ir-relikwija li nħarġet minn niċċa speċifikament għal din l-okkażjoni. Is-Sindki rispettivi taw il-kelma li ser jibdew il-proċess sabiex jiġi ffirmat ġemellaġġ bejn il-Belt Vittoriosa u Amaseno.

It-Tlieta 25 ta’ April fl-okkażjoni tal-Ġurnata Internazzjonali Lawrenzjana l-Banda Vittoriosana San Lawrenz esegwiet Programm Mużikali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Jonathan Abela fil-pjazza ta’ quddiem il-Bażilika ta’ San Lorenzo Fuori le Mura fejn laqgħet lil diversi rappreżentanti ta’ Komunitajiet Lawrenzjani minn madwar id-dinja.

Wara sar l-ingress uffiċjali tal-komunità Vittoriosana fil-Bażilika, inkluż il-banda, li daqqet l-Innu Popolari lil San Lawrenz kompożizzjoni ta’ Lorenzo Galea fuq il-qabar ta’ San Lawrenz fejn wara beda Pontifikal Solenni. Waranofsinhar l-Banda daqqet marċi brijużi fil-Chiesa Rettoria San Lorenzo in Panisperna, il-post eżatt fejn San Lawrenz ingħata l-martirju.

Iżda żgur li l-aktar Jum li ser jibqa’ mnaqqax b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz huwa dak tal-Erbgħa 26 ta’ April.

Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz laqgħet lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fi Pjazza San Pietru għall-Udjenza Ġenerali bl-Innu Marċ ‘Ċentinarju’ kompożizzjoni tal-eks Surmast tal-Banda Paul Schembri. Filwaqt li esegwiet diversi innijiet u marċi fosthom l-Innu Marċ lil San Lawrenz ta’ Giuseppe Frendo u l-Innu Popolari.

Fi tmiem l-udjenza l-Kumitat tas-Soċjetà Mużikali San Lawrenz flimkien mal-Banda, l-Arċipriet l-Kanonku Carmelo Busuttil u s-Sindku s-Sur John Boxall u membri tal-Kumitat organizattiv iltaqgħu mal-Kap tal-Knisja Kattolika fejn ħadu ritratt kommemorattiv. L-Arċipriet ippreżenta s-somma ta’ sitt elef ewro lill-Papa Franġisku, biex b’din is-somma sabiħa jinxtara strument mediku għall-ittestjar tal-għajnejn u li ser jintuża fil-Klinika “Madre della Misericordia,” klinika tal-Papa Franġisku fejn fiha t-tobba tiegħu jieħdu ħsieb il-ħajja tal-fqar.

L-Arċipriet wettaq ukoll żjara ta’ kortesija fil-klinika fejn ingħata merħba mil-Prefett tad-Dikasteru tal-Karitajiet tal-Papa, l-Kardinal Konrad Krajewski kif ukoll mill-Kap Eżekuttiv tal-istess klinika Dott. Massimo Ralli. Dan kollu kien possibbli bl-għajnuna tal-Ambaxxatur għas-Santa Sede s-Sur Frank Zammit.

Bejn il-11.30am u 1230pm sar marċ mill-Banda Vittoriosa San Lawrenz fi Pjazza San Pietro li ntemm f’Via della Conciliazione.
Din kienet is-sitt mawra tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz barra minn xtutna u żgur li tibqa tissemma fost l-aqwa ta’ kull żmien.