Programm Mużikali Annwali 2012 – Suċċess

Nhar is-Sibt 28 t’April, Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz tellgħet il-Programm Annwali tagħha. Taħt id-direzzjoni eċċellenti tas-Surmast Paul Schembri, il-Banda esegwiet diversi tipi ta’ mużika li jvarjaw minn dak klassiku, għal dak modern. Minn stil spanjol, għall-stil Blues. Kien Programm imħawwar li żgur għoġob lil kulħadd. Fuq kollox, kien Programm Annwali fejn għal darba oħra il-Banda Vittoriosana San Lawrenz ħarġet bl-unuri kollha u nqata’ l-frott ta’ tant ħidma u Kunċerti mill-mużiċisti. Din is-sena l-Programm Annwali sar ukoll għall-ewwel darba fis-Sala Parrokkjali, u nistgħu ngħidu li din l-għażla kienet ta’ suċċess, għax minbarra l-akwistika perfetta, ħajret sabiex iktar nies jattendu għal dan il-kunċert annwali. Ta’ min jgħid ukoll li l-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi attenda għal dan il-Programm. Wara s-suċċess li nkiseb, il-ħidma tal-Kummissjoni Banda ser tiffoka fuq iż-żewġ Programmi Mużikali li jmiss fl-Festa ta’ San Lawrenz. Iktar ritratti u dettalji dwar dan il-programm jidhru fis-sezzjonijiet varji ta’ dan is-sit.