Recording ta’ Marċi Brijużi

Nhar is-Sibt 11 ta’ Ġunju, is-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz irrekordjat sett ġdid ta’ Marċi Brijużi ġewwa Boffa Recording Studios Raħal Ġdid. Dan is-sett ta’ marċi ġodda, li mistenni jiġi imniehdi fil-jiem ta’ qabel il-Festa, hu taħlita ferm sabiħa bejn marċijiet ġodda fjamanti minn diversi kompożituri ewlenin f’Malta, fosthom is-Surmast Paul Schembri u l-Assistent Surmast Ugo Buhagiar, kif ukoll numru ta’ marċijiet oħra mill-arkivju vast tas-Soċjeta`. Fost dawn il-marċijiet, nsibu kompożizzjonijiet tas-Surmast Luigi Bongailas, l-ex Surmast tal-Banda Hector H. Dalli, u s-Surmast Vittorjożan Salvinu Fabri. Dan kien proġett ieħor mill-Kummissjoni Banda, li bħalissa tinsab ukoll għaddejja bil-preparamenti kollha meħtieġa għall-Vittoriosa in Festa, kif ukoll għal-librett il-ġdid ta’ marċi brijużi.