Il-Belt Vittoriosa tat l-aħħar tislima lill-Eminenza tiegħu l-Kardinal Prospero Grech nhar il-Erbgħa 8 ta’ Jannar, 2020. Monsinjur Grech twieled il-Birgu 94 sena ilu. Il-katavru tal-Kardinal wasal fil-pjazza tal-Belt Vittoriosa wara vjaġġ min Ruma għall-ħabta tal-4.30 ta’ waranofsinhar fejn ingħata tislima permezz ta’ fanfarra mis-Soċjetà Mużikali San Lawrenz li tagħha kien Patrun.
Wara, il-kleru magħmul mill-Kapitli tal-Kolleġġjati tal-Birgu u ta’ Bormla, flimkien ma’ rappreżentanti ta’ ordnijiet reliġjuzi u l-Provinċjal tal-Agostinjani imxew f’korteo funebri taħt it-tokki kiebja tal-qniepen tal-Knisja Parrokkjali. Preżenti wkoll rappreżentanti tal-Ordni tal-Kavallieri. Il-Kumitat ħa sehem fil-korteo bl-istandardi tas-Soċjeta’ u tal-Kardinal Grech.
Hekk kif nhar it-Tnejn 30 ta’ Diċembru,2019 tħabbret il-mewt tal-Kardinal Grech, is-Soċjeta’ Mużikali San Lawrenz kienet f’luttu b’rispett lejn il-Patrun tas-Soċjeta’ tagħha.