Imut is-Surmast Salvu Bugeja – Id-disinjatur tal-Planċier Artistiku u ħafna aktar

Salvu Bugeja
Tħabbret il-mewt tas-Surmast Salvu Bugeja fl-eta ta’ 90 sena. Is-Surmast Bugeja għandu konnessjonijiet kbar mal-Każin tal-Banda tagħna fejn iddissinja diversi opri li huma meravilja.
Ewlenin fost dawn insibu l-planċier artistiku li jintrama fiċ-ċentru tal-Pjazza prinċipali tal-Belt tagħna. Dan id-disinn partikolari fuq stil venezjan jikkumplimenta l-armar li hemm fil-Pjazza fejn fi kliem Salvu stess dan il-planċier kien wisq għal qalbu u jikkunsidrah bħala wieħed mill-isbaħ jekk mhux l-isbaħ li qatt iddisinja.
Il-Planċier tas-Soċjeta`
Il-Bandalora Artistika
Minbarra l-planċier, żewġ opri oħra kbar li huma fuq disinn ta’ Salvu Bugeja huma l-Bandalora Artistika kif ukoll l-Istandard tar-rakkmu.
Lil hinn mis-Sede tas-Soċjeta` wieħed ma jistax ma jsemmix id-diversi bandalori u pavaljuni li jsebbħu t-toroq tagħna matul il-ġranet tal-Festa tal-Padrun tal-Belt tagħna San Lawrenz. Magħrufin bħala l-aqwa fl-armar ma jistax ma jonqosx xogħol Salvu Bugeja fejn tispikka fuq kollox Triq il-Mina l-Kbira b’sett ta’ pavaljuni u bandalori l-ġmiel tagħhom.
Bandalora fi Triq il-Mina l-Kbira

Filwaqt li nirringrazzjaw lil Salvu tax-xogħol kollu li ta lill-każin u l-festa tagħna nwasslu l-kondoljanzi lill-familja Bugeja. Il-funeral ta’ Salvu Bugeja ser isir nhar it-Tlieta 31 t’Awwissu fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina, iż-Żurrieq fit-8 ta’ filgħodu. Delegazzjoni mill-Kumitat tagħna ser tattendi għall-funeral.