Isir il-funeral ta’ Lorry Farrugia, ex bandist u membru tal-Kumitat

Il-Banda fil-Korteo Funebri
Nhar il-Erbgħa 11 t’Awwissu l-Banda Vittoriosana San Lawrenz tat l-aħħar tislima lill-ħabib tagħna Lorry Farrugia li miet lejlet il-Festa li tant kien iħobb, il-Festa tal-Padrun tal-Belt Vittoriosa San Lawrenz. Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz bdiet korteo funebru bid-daqq ta’ marċi funebri minn Triq Pawlu Boffa, tul Triq il-Mina l-Kbira, Misraħ ir-Rebħa, Triq Nestu Laiviera fejn waslet is-salma tal-Knisja Kolleġġjata u Konventwali ta’ San Lawrenz. Meta l-korteo wasal quddiem is-Sede tas-Soċjeta` infetħu l-bibien u l-bandiera minn mezz’asta ttellgħet għal ftit mumenti sa fuq bit-tebut jiġi mdawwar quddiem il-bieb tal-Palazz, il-post fejn Lorry kien tant iqatta ħin minn hajtu, il-post fejn Lorry daqq il-mużika u fejn ta kontribut fil-Kumitat tal-istess Soċjeta`.

Il-Kumitat wara ħa sehem fil-quddiesa fejn wara kienu l-uffiċjali tal-Kumitat li refgħu t-tebut ta’ Lorry li kien tul il-korteo kollu mgħotti bl-istandard tas-Soċjeta` sal-karru tal-mejtin. Il-funeral kompla b’mod privat fejn saret id-difna fiċ-ċimiterju ta’ San Lawrenz. Minn din il-paġna nsellmu lil Lorry – raġel, ħabib u Lawrenzjan ta’ veru.