|
Nhar il-Erbgħa 28 ta’ Mejju, l-Ewwel Erbgħa minn għaxra bi preparazzjoni għall-Festa tal-Padrun tal-Belt Vittoriosa San Lawrenz, il-Belt Rebbieħa laqgħet lura l-Istatwa titulari wara restawr li sar fix-xhur li għaddew. Wara proċessjoni qasira mill-Oratorju tal-Kurċifiss għall-Pjazza, l-Wisq. Rev. Kanonku Arċipriet Dun Joe Cilia kkonċelebra quddies fuq palk armat fil-Pjazza. Wara saret Proċessjoni li għaddiet minn Triq San Filippu, La Vallette, Misraħ ir-Rebħa, Nestu Laiviera u lura l-Knisja. Fid-dħul indaqqet l-antifona tal-Kanonku Dun Alwiġ Fenech fost l-entużjażmu tal-mijiet ta’ partitarji Palmiżi. Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz ħadet sehem matul il-proċessjoni bid-daqq ta’ Innijiet Lawrenzjani. |