Għall-ħabta tal-11 ta’ filgħaxija tal-ġurnata tal-Ħamis wasal f’Malta l-kontinġent magħmul minn madwar 50 persuna tal-Philharmonie Royale Concordia, l-Banda Belġjana mistiedna tas-Soċjeta` Mużikali San Lawrenz għall-Festa ta’ din is-sena. Din il-Banda li hija mmexxija mis-Surmast Roland De Klippel ser tagħti erbgħa servizzi kemm iddum f’pajjiżna. Il-Ġimgħa 6 t’Awwissu ser iddoqq f’San Lawrenz Għawdex, Is-Sibt 7 t’Awwissu flimkien mal-Banda Vittoriosana San Lawrenz tesegwixxi Programm Mużikali Internazzjonli f’Misraħ ir-Rebħa, Il-Ħadd 8 t’Awwissu ddoqq f’M’Xlokk sabiex l-aħħar servizz tagħha jkun it-Tnejn 9 t’Awwissu fil-Birgu, lejlet il-Festa ta’ San Lawrenz. Il-Banda titlaq minn Malta nhar it-Tlieta 12 t’Awwissu. F’Diċembru li ġej l-Banda Vittoriosana San Lawrenz ser tmur il-Belġju u tagħti tlett servizzi bħala parti minn dan l-iskambju.